Thursday, December 26, 2024

Skeletru mill-gwardarobba tal-PN

Aqra wkoll

Il-każ tal-Forti Chambray f’Għawdex fl-isfond tal-aħħar deċiżjoni dwaru mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għaddejja kontroversja dwar din id-deċiżjoni. Mela, ħalli nagħmel il-pożizzjoni tiegħi ċara dwar din id-deċiżjoni u l-effett tagħha. Il-punt tat-tluq tiegħi dejjem ikun li ma naqbilx li jintilef wirt nazzjonali. Imma hemm ‘telf’ u hemm ‘telf’. 

Għaliex qed ngħid hekk? Qed ngħid hekk għax hemm differenza sostanzjali bejn qerda totali jew qerda parzjali. Jekk fhimt sewwa, dak li ġie approvat hu li l-istruttura inkwistjoni, barracks tas-suldati Ingliżi, tiżżarma l-faċċata tagħha u terġa’ tinbena bl-istess ġebel f’parti oħra tal-forti biex ikun jista’ jsir dak propost fil-proġett. Il-preġju ta’ din l-istruttura fejn qiegħed? Fil-faċċata tagħha biss jew anke fil-kmamar/swali ta’ ġewwa? Ma nafx, qatt ma mort fuq il-post, imma nimmaġina li fi kmamar/swali ftit li xejn jista’ jkun hemm preġju.

Inkiteb ħafna dwar dan kollu, imma laqatni kumment fuq il-midja soċjali, li attwalment din il-binja ma tirrappreżenta xejn ħlief era ta’ gwerer, u allura m’hemm xejn sabiħ xi tfakkar għax il-gwerer ħlief kruha, imwiet u qerda ma jfissrux. Kemm trid, imma bl-istess argument tista’ twaqqa’ darba għal dejjem is-swar sbieħ immens li bnew il-Maltin u l-Għawdxin taħt id-direzzjoni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Is-swar ma jfissru xejn għajr difiża f’każ ta’ gwerra, ħbit, għidlu li trid. Mhux hekk?

Għaliex it-titlu Skeletru mill-gwardarobba tal-PN? Naħseb bħali nnotajt ċertu skiet min-naħa tal-Partit Nazzjonalista dwar dan il-każ. Mhux soltu hux hekk? Ir-raġuni għal dan is-skiet hija sempliċi. L-istorja dwar il-proġett tal-lum tmur lura lejn żmien amministrazzjoni Nazzjonalista taħt Eddie Fenech Adami, li suppost kellu jeqred il-korruzzjoni mill-għeruq u x-xniexel. L-istorja tal-Forti Chambray hija waħda minn skandli kbar li seħħew taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Tmur lura preċiżament 32 sena. Biex inkun eżatt ħarġet fil-beraħ l-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru 1992.

Dakinhar il-Parlament kien mistenni jaġġorna għall-btajjel tal-Milied. F’dik is-seduta l-Gvern Nazzjonalista b’ħeffa liema bħalha ried jgħaddi mozzjoni li kienet tawtorizza li jsir il-kuntratt biex il-Forti Chambray jingħata lil kumpanija li l-maġġoranza tal-ishma tagħha kienu f’idejn żewġ kumpanniji Taljani. Kuntratt li permezz tiegħu l-Forti Chambray u l-art ta’ madwaru jingħataw b’ċens ta’ Lm10,000 fis-sena, ekwivalenti għal ftit inqas minn €23,300 tal-lum, b’emfitewsi ta’ 99 sena. Ovvjament l-għaġġla li ried jaħdem biha l-Gvern Nazzjonalista kellha riħa tinten pesti. Daqshekk ilha għaddejja l-istorja tal-Forti Chambray. Għalhekk it-titlu Skeletru mill-gwardarobba tal-PN. Gwardarobba li fiha skeletri mhux ftit.

Jekk trid tiftakar din l-istorja u stejjer simili, jintnu pesti, li seħħew taħt Gvern Nazzjonalista, nistiednek taqra l-ktieb BIZZILLA u BARUNIJIET mis-sensiela SKS (Sensiela Kotba Soċjalisti) li kien kiteb Joe Mifsud, illum Maġistrat, fis-sena 1995.

Sadattant ngħidlek ċar u tond: stejjer jintnu ma jitpattewx bi stejjer jintnu bħalhom. Jien ivvotajt Labour biex jinqatgħu l-istejjer jintnu u mhux biex jinbidel min jagħmilhom.

Wisq nibża’ li Chambray mhux ‘skeletru’ imma katavru li għadu jrejjaħ.

Nawgura lilek u lill-għeżież tiegħek Milied hieni fis-sliem u s-saħħa.

[email protected]

%%%%%%%%

Għall-attenzjoni ta’ ARMS Ltd.

Ma nafx jekk qattx kellek bżonn iċċempel għand ARMS Ltd dwar xi ħaġa konnessa ma’ kontijiet tad-dawl u l-ilma. Jekk qatt ma kellek, għid għall-erwieħ u jekk kellek allura taf li sakemm inqdejt sarlek test għall-paċenzja!

Esperjenza tiegħi personali. Wasalli l-kont u nnotajt li dan kien kont stima għax ma kienux inqraw l-arloġġi. Irrid ngħid li issa kien ilu żmien twil l-arloġġi jinqraw b’sistema awtomatika. Irnexxieli nagħmel kuntatt ma’ ARMS wara ma nafx kemm domt nistenna fuq il-linja u qaluli li l-aħjar li nagħmel huwa li naqra l-arloġġi jien u ngħaddilhom il-qari. U għamilt hekk. 

Wasal il-kont li kien imiss li nħareġ abbażi tal-qari li tajthom jien. Ridt nivverifika xi ħaġa dwaru. Nhar it-Tnejn li għadda, 16 ta ’ Diċembru, ċempilt fuq in-numru 80072222 li huwa l-Helpline. Mhux darba jew tnejn jew tlieta. Komplessivament ħlejt madwar sagħtejn nipprova naqbad u l-uniku rispons kien: Bħalissa l-aġenti tagħna huma kollha okkupati, jekk jogħġbok żomm il-linja, dalwaqt inkunu miegħek. Kull ftit minuti tisma’ l-istess tweġiba. F’okkażjoni minnhom bqajt fuq il-linja għal ftit aktar minn 38 minuta bil-wegħda dalwaqt inkunu miegħek ma tissarraf qatt. Wara nofsinhar bgħatt e-mail dwar dan kollu. Siegħa u kwart wara rċevejt risposta b’e-mail awtomatika li t-talba tiegħi kienet waslitilhom u kienet se tmun segwita.

L-għada, 17 ta’ Diċembru, erġajt nipprova naqbad bit-telefon. Darba, tnejn, tlieta, erbgħa. Nistenna ftit minuti biex il-wegħda dalwaqt inkunu miegħek isseħħ u naqta’ l-linja. Finalment iddeċidejt li nibqa’ fuq il-linja sakemm forsi jkun hemm aġent mhux okkupat. Sar kuntatt miegħi wara 46 minuta fuq il-linja. Mamma mia x’attakk nervuż iqabbduk! 

B’sens ta’ ġustizzja rrid ngħid li la darba jirnexxilek taqbad allura s-servizz imbagħad ikun eċċellenti. Tingħata spjegazzjoni dettaljata għall-mistoqsijiet li tagħmel. Almenu hekk sar fil-każ tiegħi. U l-aħħar mistoqsija ssir mir-rappreżentant/a ta’ ARMS: Min-naħa tiegħi nista’ naqdik f’xi ħaġa oħra sinjur? 

Jistgħu d-diriġenti ta’ ARMS Ltd jaraw  li tali sitwazzjoni frustranti ma tibqax għaddejja. Jekk huwa daqstant diffiċli biex il-konsumatur jinqeda permezz ta’ telefonata allura jkun ferm u ferm aħjar li tali servizz ma toffruhx. X’jiswa’ li tgħidli li nista’ inċempel fuq Helpline 80072222 meta tali servizz huwa daqstant frustranti, tedjanti u ta’ qtugħ in-nifs.

Artiklu preċedenti
Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport