Friday, November 1, 2024

Skema BCRS: Riċiklati 150 miljun kontenitur tax-xorb

Aqra wkoll

Hekk kif għaddew ftit aktar minn seba’ xhur mill-introduzzjoni tal-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb (BCRS), tħabbar li l-konsumaturi rriċiklaw madwar 150 miljun kontenitur, b’Awwissu jilħaq medja ta’ 900,000 kontenitur kuljum.

Dan wassal biex Malta issa qed tiġbor madwar 74% tal-230 miljun kontenitur li kull sena joħorġu fis-suq. B’hekk Malta qabżet sew il-medja ta’ 41% fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, f’titjib maġġuri meta mqabbel mal-20% fis-sena ta’ qabel.

Il-kumpanija qalet li din l-inizjattiva wasslet għal titjib fl-ambjent, kif ukoll evitat li l-kontenituri spiċċaw imxerrda fil-kampanja jew fil-bajjiet.
Il-kumpanija BCRS qalet ukoll li kameras tas-sigurtà li jinsabu fis-siti fejn hemm il-magni biex wieħed jirriċikla l-fliexken u l-bottijiet wasslu biex l-aworitajiet responsabbli mill-infurzar bħal-LESA ħarġu “mijiet ta’ multi għal rimi llegali ta’ skart.”

Il-kumpanija qalet li rreaġixxiet għal numru ta’ lmenti minn persuni dwar ħmieġ madwar dawn il-magni li jinsabu f’kull lokalità. Il-BCRS qalet li “l-impjegati qed jaħdmu bla waqfien biex tbattal il-magni skont l-iskeda, kif ukoll biex isir tindif b’mod regolari.”

Fl-istess waqt, il-kumpanija talbet għall-kooperazzjoni tal-pubbliku biex jarmi l-fliexken u l-bottijiet b’mod responsabbli, waqt li appellat ukoll għal kampanja ta’ edukazzjoni u infurzar biex siti oħra simili bħall-bring-in sites ikunu miżmuma b’mod tajjeb.

Sport