Monday, December 23, 2024

Skema ġdida biex l-intrapriżi jinvestu f’ħaddiema b’abiltajiet differenti

Aqra wkoll

Skema ġdida tal-Malta Enterprise hija mmirata biex tgħin intrapriżi Maltin u Għawdxin jagħmlu l-post tax-xogħol tagħhom aċċessibbli għall-impjegati b’abiltajiet differenti.

Mibnija b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, l-iskema tista’ tkopri sa 90% tal-investiment li jagħmel negozju, sa massimu ta’ €10,000 u hija miftuħa għall-kumpaniji, kif ukoll dawk self-employed.

L-iskema ġiet varata mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli waqt żjara fil-kumpanija Abertax. Preżenti għall-konferenza kien hemm il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan.

“Il-progress għandu  jfisser soċjetà inklużiva, fil-ħajja ta’ kuljum, inkluż fuq il-post tax-xogħol. Din l-miżura hija frott tad-diskussjonijiet li kellna mal-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità, u se tkun qed tagħti l-opportunità lil min iħaddem biex imur lil hinn minn dak li hu mitlub mil-liġi ħalli jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli spjegat ukoll kif din l-iskema għandha sew impatt soċjali u anke  ekonomiku.

“Nemmnu fl-intrapriżi li jħaddnu d-diversità fuq il-post tax-xogħol tagħhom fejn il-kultura tan-negozji tkun waħda li tinċentiva l-abiltajiet. Illum nitkellmu fuq investimenti fl-ESGs – investimenti ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Madwar id-dinja, dawk il-kumpaniji li verament jħaddnu dawn il-prinċipji huma l-kumpaniji li l-aktar qed jimxu ‘l quddiem.”

Min-naħa tagħha l-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet li din l-iskema qed tibgħat messaġġ b’saħħtu li rridu nkomplu nkissru l-barrieri li jkunu qed jimblokkaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

“Illum qed nibagħtu messaġġ b’saħħtu wkoll li mhux biss irridu nsaħħu s-sehem ta’ persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol, iżda anki nifirxu triq ġdida ta’ opportunitajiet għal dawk li għandhom diżabiltà u jixtiequ jkollhom in-negozju tagħhom. Ix-xogħol hu pedament b’saħħtu li se tkun imsejsa fuqu l-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u dan diġà qed narawh fil-prattika hekk kif illum għandna rekord ta’ aktar minn 4,000 persuna b’diżabilità li għandhom impjieg”, qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

L-iskema tkopri investimenti bħal:

  1. f’makkinarju li jista; jwassal biex nsaħħu il-kapaċitajiet funzjonarji ta’ persuni b’ diżabilita bħal motion wheels, sistemi ta’ alarm u dwal.
  2. Tibdil strutturali minuri fil-binjiet tal-kumpanija li jwasslu għal aktar aċċess u li jkunu ċċertifikati minn perit skont l-istandards li jiggarantixxu aċċess.
  3. Teknoloġiji li jgħinu fil-qari għal dawk neqsin mid-dawl, jew li jkabbru t-tipa tal-kitba, u teknoloġiji oħra li jagħtu iktar awtonomiji.
  4. Resurfacing tal-ispazji fil-kumpanija b’materjali li huma iktar reżistenti għal-użu ta’ wheelchairs jew li se jiffaċilitawh iktar, kif ukoll spazji li jassistu lil persuni neqsin mid-dawl jiċċaqalqu minn post għal-ieħor.
  5. Formats li jżidu l-aċċessibilità bħal Braille u l-użu ta’ messaġġi rrekordjati li jinfurmaw dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
  6. Taħriġ professjonali għal min se jagħel użu mit-teknoloġija u lill-kumplament tal-impjegati sabiex nsaħħu l-inklużjoni.

L-iskema hija miftuħa sa Awwissu 2023. Għal aktar gwida u informazzjoni, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Business First fuq www.businessfirst.com.mt.

Ekonomija

Sport