Ġiet imħabbra skema ġdida li ser tkun qed tgħin l-għaqdiet volontarji, il-kunsilli lokali u l-kunsilli reġjonali li preżentement ma jikkwalifikawx għall-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-Programm LEADER. Din l-iskema, imsejħa ‘Community Support Scheme’ għandha baġit ta’ €800,000 allokati għaliha. Permezz ta’ din l-iskema, aktar minn 900 għaqda volontarja, li joperaw f’waħda minn 19-il lokalità, huma eliġibbli biex jiksbu fondi għal proġetti jew inizjattivi.
Din l-iskema tħabbret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandalo u l-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) Rodrick Zerafa.
Matul is-snin, il-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea ġie rikonoxxut bħala suċċess u mod innovattiv biex jgħin fl-iżvilupp ta’ żoni rurali. Madankollu, hemm numru ta’ lokalitajiet f’Malta li mhumiex eliġibbli biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi. Għaldaqstant, din l-iskema tindirizza din is-sitwazzjoni u tappoġġja lil dawk l-organizzazzjonijiet volontarji u kunsilli lokali u reġjonali f’lokalitajiet li mhumiex eliġibbli taħt il-programm LEADER.
Għaldaqstant, għal din l-iskema ser ikunu eliġibbli l-kunsilli lokali u l-kunsilli reġjonali, kif ukoll għaqdiet volontarji li joperaw f’waħda minn 19-il lokalità f’Malta. Dawn il-lokalitajiet huma: Birkirkara, Bormla, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, il-Birgu, il-Fgura, il-Furjana, il-Ħamrun, l-Imsida, l-Isla, il-Marsa, Paola, Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, Santa Venera, Tal-Pietà, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex.
Is-sejħa għall-proposti, li ser tkun disponibbli aktar tard din is-sena, u li ser tinħareġ fil-portal tal-MCVS – vofunding.org.mt, flimkien ma’ linji gwida u għajnuna għall-għaqdiet sabiex jiġu megħjuna jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom. L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Il-Ministru Julia Farrugia qalet li, “Din l-iskema hija xhieda ċara tal-impenn kontinwu ta’ dan il-gvern biex jagħti spazju u appoġġ konkret lill-għaqdiet volontarji, irrispettivament minn fejn ikunu bbażati. Għaldaqstant, qed niżguraw li l-benefiċċji ma jkunux riservati biss għal żoni rurali imma jkunu mifruxa b’mod ġust u inklussiv. Il-‘Community Support Scheme’ hija miżura oħra li turi kif il-politika tagħna mhux biss tisma’ lill-komunitajiet imma twieġeb b’azzjonijiet li jagħmlu differenza reali fil-ħajja taċ-ċittadini. Dan il-Gvern ser jibqa’ jaħdem bla waqfien biex jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura u li l-volontarjat jibqa’ pilastru qawwi tal-ġustizzja soċjali f’pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo, qal li, “Bi pjaċir qegħdin naraw fond ieħor li ser ikun qiegħed jikkumplimenta s-sensiela ta’ fondi li issa hemm disponibbli mill-MCVS għall-għaqdiet volontarji. Flimkien mas-servizzi kollha li diġà nipprovdu fuq diversi livelli, dan huwa mezz ieħor ta’ kif ser inkomplu nassistu lis-settur. Għaldaqstant inħeġġeġ lill-għaqdiet sabiex ikomplu jsegwu l-informazzjoni li ser inkunu qed noħorġu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin meta ser jitħabbru aktar dettalji.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM Rodrick Zerafa qal li: “Matul il-ħidma tagħna, entitajiet ġejjin mil-lokalitajiet li ma jistgħux jibbenefikaw mill-programm LEADER, spiss ilmentaw magħna għal fatt li huma m’għandhomx l-istess opportunità li jibbenefikaw minn dawn il-fondi u għalhekk ħdimna biex tinħoloq din l-iskema minn fondi nazzjonali. Aħna impenjati li nkomplu nassistu lill-għaqdiet volontarji u kunsilli lokali u reġjonali biex iwettqu proġetti b’risq il-komunitajiet tagħna.”
Il-proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-Community Support Scheme huma ta’ natura simili għal dawk li normalment jitwettqu taħt il-Programm LEADER. Dawn jinkludu inizjattivi relatati mal-protezzjoni u t-titjib ambjentali, proġetti komunitarji fuq skala żgħira li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet, kif ukoll interventi ta’ restawr u konservazzjoni ta’ spazji pubbliċi, strutturi storiċi jew elementi kulturali ta’ valur għall-komunità. L-għan huwa li jinħoloq impatt pożittiv u sostenibbli fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, anke f’dawk il-lokalitajiet li s’issa kienu esklużi taħt il-fondi tal-LEADER.