Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, nieda l-Community Development and Innovation Scheme biex jippromwovi l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-komunità qalb l-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Din l-iskema għandha l-għan li tgħin finanzjarjament għaqdiet mhux governattivi u għaqdiet volontarji biex iwettqu proġetti innovattivi fil-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti ddeskriva din l-iskema bħala waħda importanti li kapaċi turi l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-komunità, mhux biss fuq livell nazzjonali iżda wkoll fuq livell rurali permezz ta’ NGOs u ta’ għaqdiet volontarji li huma essenzjali biex bil-ħidma tagħhom jinħoloq aktar ġid fil-komunità. Huwa qal, “Il-gvern għandu l-għan li jqarreb aktar ir-riċerka fil-komunitajiet tagħna u jippromwovi l-importanza tar-riċerka fil-komunità, filwaqt li juri lis-soċjetà kif dawn il-proġetti jistgħu jħallu impatt pożittiv fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum b’soluzzjonijiet innovattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.”
Iċ-Chairperson tal-Bord Community Development and Innovation Scheme, Antonella Gatt, qalet li din l-iskema se tkompli ssaħħaħ l-iżvilupp fi ħdan il-komunità grazzi għall-għajnuna u għall-inċentivi finanzjarji mogħtija lill-NGOs u lill-għaqdiet volontarji biex ikomplu jaħdmu u jinvestu fil-qasam tal-innovazzjoni.
Il-fondi allokati għal din l-iskema fl-2023 huma ta’ €150,000. Kull għaqda tista’ tgawdi minn massimu ta’ €8,000 għal kull proġett. Il-proposti għandhom jinkludu proġetti innovattivi li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità. Dawk il-proposti magħmula fuq is-suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM) jingħataw preferenza.
L-applikazzjonijiet eliġibbli se jiġu evalwati minn bord ta’ evalwaturi skont il-linji gwida ppubblikati. Il-linji gwida tal-applikazzjoni għal din l-iskema jistgħu jinkisbu mis-sit tal-ministeru, education.gov.mt. Kull applikazzjoni għandha tintbagħat b’email fuq [email protected] sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Mejju 2023 f’12pm.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected].