L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) laqgħet l-iskema intiża li tkompli tattira turisti ta’ kwalità lejn Għawdex matul is-sena kollha. L-Extended Stays Scheme ġiet imħabbra mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-Assoċjazzjoni nnotat kif f’dawn l-aħħar 25 sena, saru sforzi kbar biex Għawdex jiġi stabbilit bħala destinazzjoni għas-sena kollha, madankollu l-istaġjonalità baqgħet dejjem tkun ta’ sfida. Qalet li Għawdex għadu jesprjenza ċaqliq matul is-sena, b’numru kbir ta’ wasliet barranin fix-xhur tas-sajf u inqas matul ix-xhur tax-xitwa.
Għal dan il-għan, fil-proposti tagħha għall-baġit 2023, l-Assoċjazzjoni nkludiet miżura f’forma ta’ skema mmirata b’mod speċifiku biex ittaffi l-problema tal-istaġjonalità fuq din il-gżira.
L-iskema li tħabbret din il-ġimgħa għandha l-għan li tattira aktar turisti lejn Għawdex bejn il-15 ta’ Ottubru 2023 u l-15 ta’ Marzu 2024. Sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema, viżitaturi barranin li joqogħdu f’akkomodazzjoni liċenzjata f’dan il-perjodu għandhom iqattgħu minn tal-inqas għaxart iljieli jew aktar.
Ir-raġuni wara dan huwa sabiex aktar viżitaturi jiġu mħeġġa jqattgħu aktar żmien f’Għawdex, minflok waqfa qasira. L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li skema bħal din se twassal ukoll għal żieda fl-għadd ta’ ljieli mqattgħin f’Għawdex fost oħrajn.
“Nemmnu li dan l-isforz kordinat bejn id-Direttorat għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex se tgħin biex tkompli ttaffi l-istaġjonalità f’Għawdex,” temmet tgħid il-GTA.