Saturday, October 26, 2024

SKEMA LI TIXHED IR-RUĦ SOĊJALI TAL-GVERN

Aqra wkoll

Il-miżuri soċjali li qed jintroduċi l-Gvern Laburusta fil-qasam tad-djar jolqtu firxa wiesgħa ta’ nies minn kull faxxa tas-soċjetà. Tant li f’dawn l-aħħar snin bosta nies gawdew minn benefiċċji eżistenti u oħrajn ġodda li ġew introdotti bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji f’dan il-qasam.

Ta’ min isemmi l-impatt pożittiv li ħallew diversi skemi fosthom dik tal-first time buyers, li ġiet estiża diversi drabi bil-għan li aktar familji, b’mod partikolari żgħażagħ, isiru sidien ta’ djarhom. Fil-fatt, fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha rata għolja ta’ nies li huma sidien ta’ djarhom.

Mal-benefiċċji eżistenti, fl-aħħar xhur, żdied ukoll il-benefiċċju li se jolqot b’mod tajjeb lil persuni b’diżabilità, dawk bi kwistjonijiet mediċi jew li kellhom mard fl-imgħoddi, issa permezz ta’ skema ġdida l-Gvern se jidħol garanti biex dawn il-persuni jingħataw is-self li jkollhom bżonn mill-banek sabiex jixtru proprjetà.

L-iskema bl-isem “New Hope Guarantee” mhux se tkun polza tal-assikurazzjoni iżda se toffri alternattiva sigura lill-banek biex is-self ikun jista’ jingħata mingħajr sogru fuq il-qraba tal-benefiċjarju.

Il-Gvern, permezz tal-Awtorità tad-Djar, se jkun qed joffri garanzija li se tkopri self massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li se tintuża bħala residenza primarja. Din il-garanzija se tkun sostnuta minn back to back guarantee mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali li se tiggarantixxi €30,000,000 f’home loans. 

Applikant li ma jirnexxilux jikseb polza jista’ japplika għal din l-iskema mal-Awtorità tad-Djar. L-Awtorità, flimkien mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, se tivverifika d-dokumenti u jsiru r-riċerki kollha meħtieġa. Se jinħareġ ċertifikat u ittra ta’ rakkomandazzjoni u eventwalment tinħareġ garanzija fuq l-ammont misluf.

Nemmnu li skemi progressivi bħal dawn għal dawk l-aktar vulnerabbli jew li jeħtieġu l-akbar għajnuna hu ta’ min ifaħħarhom u jinkoraġġihom. Skemi bħal dawn li jixhdu r-ruħ soċjali li għandu dan il-Gvern, għax joffru tama għal ġejjieni aħjar u dinjità lil kulħadd.

Dan huwa preludju għall-ewwel budget ta’ din il-leġiżlatura li se jiġi ppreżentat ix-xahar id-dieħel li minkejja l-isfidi kbar li jeżistu, hemm indikazzjonijiet ċari li se jkompli jtejjeb il-qagħda soċjali ta’ ħafna familji Maltin.

Sport