Tuesday, November 26, 2024

Skema oħra li tista’ toffri enerġija nadifa għal 6,000 dar

Sejħiet għall-Offerti għal stallazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli sa massimu ta’ 1MW

Aqra wkoll

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża qed iniedu proċess, għat-tieni sena konsekuttiva, biex investituri privati jitfgħu l-offerti tagħhom ħalli jiżviluppaw stallazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli kbar, bħal solar farms wind turbines.

Ir-Regolatur qed jiftaħ din is-sejħa għal sistemi b’kapaċità li tibda minn 40kWp (kilowatt peak) sa massimu ta’ 1MWp (megawatt peak).

F’konferenza indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tar-REWS, l-Inġ. Marjohn Abela, il-Gvern ippreżenta l-pjan għal din is-sena. 

Permezz tal-iskema ġdida, jekk l-allokazzjoni tittieħed kollha, il-Gvern se joffri appoġġ finanzjarju biex investituri privati jiġġeneraw biżżejjed enerġija nadifa għal madwar 6,000 dar, li jfisser sa 10,000 tunnellata inqas tniġġis tad-diossidju tal-karbonju (carbon dioxide) fis-sena.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li b’din l-iskema l-Gvern ser jinvesti sa massimu ta’ €74 miljun f’enerġija nadifa, fuq 20 sena.

“Qed naħdmu biex inżidu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’pajjiżna, liema investiment se jgħinna nsaħħu s-sigurta fil-provvista u d-diversifikazzjoni fil-ġenerazzjoni tal-enerġija filwaqt li noħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda u aktar green jobs. Dan jikkumplimenta l-viżjoni ta’ pajjiżna għal ekonomija dekarbonizzata sal-2050,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Dan l-investiment se jgħin lil Malta u Għawdex jindirizzaw numru ta’ għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, li jinkludu SDG 7, SDG 9, SDG 12 u SDG 13.

Permezz ta’ skema ta’ din ix-xorta mnedija s-sena li għaddiet,  ser ikunu qed jitlestew 36 proġett. Dawn is-sistemi ser ikunu qed jiġġeneraw enerġija nadifa b’kapaċità massima ta’ 10 megawatt. Dan ifisser li dawn is-sistemi ser jiġġeneraw biżżejjed elettriku għal madwar 4,220 dar, sabiex pajjiżna jiffranka mas-7,000 tunnellata tniġġis tad-diossidju tal-karbonju fl-arja kull sena.

L-Inġ. Marjohn Abela spjega kif l-Avviż tal-Gvern għall-iskema ġdida ta’ din is-sena jipprovdi għal ħames sejħiet (ITB) għall-għotja fuq l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ta’ ġenerazzjoni minn 40kW sa inqas minn 200kW, u minn 200kW sa inqas minn 1mW rispettivament. “Kull sejħa għall-allokazzjoni tal-għajnuna tinkludi sejħa għal kull kategorija,” spjega l-Inġ. Abela. “Il-kapaċità disponibbli għall-għotja, hekk ikkalkulata, se tkun ippublikata fid-dokument tal-ITB ta’ kull sejħa rispettiva. Il-Gvern jista’ jirrevedi l-metodoloġija wżata għall-kalkolu tal-kapaċitajiet disponibbli għall-allokazzjoni tal-għajnuna.”

Sport