Saturday, November 23, 2024

SKEMA POŻITTIVA LI TNAQQAS L-ISTAĠJONALITÀ F’GĦAWDEX

Aqra wkoll

L-istaġun tas-sajf qed jirranka sew u issa li ninsabu fuq l-għatba ta’ xahar ġdid, dak t’Awwissu, dan mistenni li jġib miegħu żieda fl-għadd ta’ turisti li jżuru dawn il-gżejjer biex iqattgħu l-btala tagħhom hawnhekk. Naturalment f’dan ix-xahar ukoll, ikunu bosta dawk il-Maltin li jerħulha lejn il-gżejjer tat-tliet għoljiet biex igawdu ftit jiem ta’ mistrieħ mal-għeżież tagħhom.

Madankollu, il-Gvern, filwaqt li jinsab konxju tar-riżultati li qed jinkisbu f’dan is-settur b’mod partikolari fis-sajf, qiegħed iħares anke lil hinn biex l-esperjenza li jgawdi minnha t-turist tkun waħda li tkompli għaddejja anke wara li jintemm is-sajf. Dan qed ngħiduh fl-isfond tal-iskema li nieda l-Ministeru għal Għawdex fl-aħħar jiem biex aktar turisti jżuru Għawdex matul is-sena kollha.

Din l-iskema hija eleġibbli għal turisti li jkunu fuq btala f’Għawdex bejn il-15 t’Ottubru 2023 u l-15 ta’ Marzu 2024 fejn it-tul tal-btala trid tkun minn tal-inqas 10 iljieli u se joqogħdu f’waħda mill-proprjetajiet li qed tipparteċipa f’din l-iskema. Dawn it-turisti se jkunu qegħdin jingħataw skont ta’ 30% mill-booking sa massimu ta’ €300. Il-kofinanzjament għal dan l-inċentiv se jkun ta’ 80% mill-gvern u 20% mill-privat.

Skema bħal din nemmnu li se tkompli tibni fuq dak li diġà sar biex Għawdex ma jibqax biss destinazzjoni tas-sajf. Dan filwaqt li se ttaffi l-problema tal-istaġjonalità matul ix-xhur tal-ħarifa u x-xitwa, liema xhur normalment ikun hemm it-tendenza fejn it-turiżmu barrani jonqos wara x-xhur tas-sajf.

Għalhekk huwa ta’ min ifaħħar l-isforzi li qed isiru min-naħa tal-Gvern f’dan ir-rigward sabiex ikomplu jmorru f’Għawdex aktar turisti f’dawk li huma magħrufa bħala “s-shoulder months”. Nemmnu li Għawdex għandha ħafna x’toffri u għalhekk il-fatt li l-viżitaturi qed ikunu mħeġġa biex iqattgħu aktar żmien fuq din il-gżira żgur li se tgħin biex din l-esperjenza tkun waħda aktar ħolistika.

Pero dan huwa parti biss mill-proċess ta’ tisħiħ neċessarju biex dan is-settur ikompli jikber. Waħda minn l-akbar sfidi li trid tiġi indirizzata hija bla dubju l-problema ta’ riżorsi umani.

Problema mhux biss ta’ kwantità imma anke ta’ kwalità. Sfida li l-gvern huwa msejjaħ sabiex jindirizza kemm għal-lum imma wisq aktar għal għada. Fuq kollox dan huwa pass importanti meta wieħed iżomm f’moħħu l-ambizzjonijiet tal-gvern li pajjiżna joffri settur turistiku ta’ eċċellenza. 

Sport