Thursday, March 28, 2024

Skema ta’ €1.5m favur aktar aċċessibilità u mobilità

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera nieda skema ta’ €1.5m għall-gvernijiet lokali sabiex jiġu ffinanzjati proġetti kapitali favur aktar aċċessibilità u mobilità. Din l-iskema hija investiment dirett fit-titjieb tal-kwalita tal-ħajja tan nies.

Il-Ministru Herrera sostna li l- aċċessibilità adekwata fil-lokalità hija kruċjali għar-residenti tal-lokal sabiex dawn ikollhom l-abbilta’ li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum. Sostna li l-gvernijiet lokali għandhom irwol importanti f’dan kollu għaliex huma stess qiegħdin imexxu propju l-komunitajiet tagħna fejn ngħixu, naħdmu jew nifrekwentaw.

Huwa kompla li rridu nħarsu lejn komunitajiet li verament joħolqu atmosfera fejn irrispettivament mill-abbiltajiet, l-età, u l-bżonnijiet li wieħed għandu, kull persuna fil-komunità tista’ jkolla l-faċilitajiet neċessarji għall-ħajja aktar aċċessibli.

Il-Ministru semma li wħud mill-proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati minn dan il-fond jinkludu provediment ta’ trasport intra-komunitarju preferibilment tal-elettriku għar-residenti bi bżonnijiet speċjali u dawk vulnerabbli; aċċessibilità adekwata f’postijiet pubbliċi li jistgħu jinkludu lifts, spazji għas-siġġijiet tar-roti, rampi eċċ; proġetti u provediment ta’ apparat li jħeġġu attivitajiet rikrejattivi, fiżiċi u sportivi għal dawk l-individwi vulnerabbli u dawk bi bżonnijiet speċjali; fost proġetti oħra.

“L-investiment ta’ €1.5 miljun huwa propju intiż li jagħmel dan. Qiegħdin induru lejn il-gvernijiet lokali u ntuhom l-għodda sabiex fl-irħula u l-ibliet tagħhom iwettqu inizjattivi li permezz tagħhom naraw is-sens ta’ inklużjoni jissaħħaħ,” sostna l-Ministru Herrera.

Ekonomija

Sport