Saturday, November 23, 2024

“Skema ta’ suċċess u tajjeb li kieku terġa’ ssir” – Tony Zahra

Aqra wkoll

Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, jissuġġerixxi li jerġgħu jitqassmu l-vouchers ta’ għajnuna mill-Gvern fi żmien il-Milied

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA), Tony Zahra, ikkonferma ma’ L-ORIZZONT is-suċċess tal-iskema tal-vouchers mill-Gvern biex tkun riġenerata l-ekonomija f’pajjiżna wara l-lockdown parzjali minħabba l-Covid-19. Zahra faħħar din l-inizjattiva fejn sostna li din wasslet għal aktar negozju minn dak li kien oriġinarjament mistenni. Din l-iskema tant kienet pożittiva li l-Assoċjazzjoni tittama li l-Gvern jerġa’ jirrepetiha, possibbilment f’Diċembru għax fih jaħbtu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied.

Il-President tal-MHRA Zahra qal li l-iskema tal-vouchers għenet ukoll billi ġabet klijenti ġodda kemm lir-ristoranti, kif ukoll lil-lukandi. Barra l-ġenerazzjoni tal-flus, Zahra jemmen li dawn il-vouchers inkoraġġixxu lin-nies biex joħorġu u jgawdu mis-servizzi offruti mill-membri tagħhom. 

Fil-fatt l-iskema tal-vouchers hija popolari ferm mal-membri kollha tal-MHRA, inklużi r-ristoranti u l-lukandi. 

Minn studju li sar mill-istess Assoċjazzjoni, irriżulta li l-vouchers maħruġa mill-Gvern bħala għajnuna fil-verità, iġġeneraw aktar traffiku minn dak mistenni.

“Minkejja li għad m’għandniex il-figuri eżatti, nemmnu li fl-ewwel ħames ġimgħat minn mindu n-nies irċevew il-vouchers, li jikkwantifikaw għal 30% tat-total tal-vouchers maħruġa b’valur ta’ madwar €10 miljuni, dawn intużaw f’ristoranti u lukandi. Dan huwa inkoraġġanti ferm u għen ħafna lill-membri tagħna minħabba żieda fil-klijentela li tat spinta lid-dħul tagħhom,” temm Tony Zahra.

Sport