Għaddew erba’ xhur mindu sar is-suppost ftehim ta’ paċi. Ftehim li għall-bidu ħafna ħarġu jċapċpu lil dan il-ftehim. Wieħed irid jgħid li l-attakki għal xi jiem waqfu. Ma damux imma ma reġgħu bdew. B’inqas intensità minn qabel. Imma xorta tkomplew. Xorta qegħdin iħallu vittmi.
Mindu ġie dikjarat il-waqfien mill-ġlied, f’Gaża mietu mijiet ta’ nies minn attakki ġodda. Fosthom hemm għadd ta’ tfal. Minkejja kollox is-sofferenzi li qiegħed jiffaċċja l-poplu ta’ Gaża huma enormi.
Familji jgħixu fit-tined. F’kundizzjonijiet tat-temp xi drabi ħżiena ħafna. Nuqqasijiet kbar, għalkemm is-sitwazzjoni tranġat minn kif kienet xhur ilu. Il-ħajja tal-familji f’Gaża, minkejja li hi ħajja mill-agħar, dwarha hemm skiet li jtarrax. Donnu kulħadd qiegħed idawwar wiċċu banda oħra. Unjoni Ewropea li suppost titkellem dwar din is-sofferenza u turi solidarjetà, imma hemm skiet. Hemm indifferenza totali. L-effett tad-dannu li sar b’sentejn ta’ attakki kontinwi, wasslu għall-qerda totali ta’ Gaża, li llum saret borg ġebel. Mhux biss, hemm effetti negattiv qawwi fuq is-saħħa tan-nies. Filfatt l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa wissiet li l-katastrofi tas-saħħa se ddum għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Sa l-aħħar jiem l-ikel kien għadu skars. Familji spostati f’xelters li saru ta’ malajr, ħafna drabi mgħarrqin bl-ilma. Għal ħafna din hi t-tielet xitwa ta’ bla dar. Hemm organizzazzjonijiet umanitarji jgħidu li ma jistgħux iwasslu ħażniet ta’ tined.
U mbagħad ftit ġimgħat ilu bdew isemmulna kif se jaqsmu l-Gaża. Bdew isemmu “żona ħadra” taħt kontroll Iżraeljan u internazzjonali, li għandha tiġi żviluppata mill-ġdid, u “żona ħamra” titħalla f’rovini. Din il-viżjoni, komposta minn truppi internazzjonali ma tagħmel xejn għajr issostni l-okkupazzjoni Iżraeljana. Għal ħafna gvernijiet fid-dinja tal-Punent, is-suppost ftehim kien okkażjoni tajba biex idawwru wiċċhom banda oħra. Għalihom, bis-suppost ftehim il-gwerra intemmet u allura m’għandhomx għalfejn iħarsu aktar lejn Gaża, minkejja li hemm familji, tfal u anzjani jgħixu f’kundizzjonijiet mill-agħar. U waqt li naraw dan nibdew nisimgħu bi pjani bħal dawk tal-Ġermanja li ħabbret li se terġa’ tibda tesporta l-armi lejn l-Iżrael.
Kien hemm Palestinjani li kienu qegħdin jaraw li ‘attakki kienu għal dejjem”. Kienu qegħdin jitkellmu f’dan is-sens. Kienu jafu li l-attakki mhux se jieqfu qabel Gaża issir borg ġebel kif fil-fatt saret. Kienu jafu li l-għan kien qerda totali. Tindif etniku. U issa il-mistoqsija li tqum hi dik ta’ jekk il-Palestinjani hux se jibqgħu jgħixu fil-miżerja għal dejjem. Nemmnu li lil hinn mill-indifferenza, pajjiżi li kienu kompliċi fl-attakki għandhom dmir akbar li jitolbu li l-Palestinjani jitħallew jgħixu f’ħajjithom f’kundizzjonijiet diċenti.
Li jiskantak u li jħallik bla kliem, hu li minkejja li l-Palestinjani qegħdin jgħixu f’din it-tbatija u sofferenzi, min suppost jitkellem, qiegħed idawwar wiċċu banda oħra. Daqs li kieku mhu jiġri xejn.
L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea siktin. Jibqgħu indifferenti lejn dak li qiegħed jiġri. Jistgħu jagħmlu ħafna biex dawn l-attakki li għadhom għaddejjin jieqfu. Minkejja dan qegħdin jagħżlu li ma jagħmlu xejn. U dan ifisser, li Iżrael jista’ jkompli għaddej b’dak li qiegħed iwettaq. Il-vittmi dejjem ikunu persuni ċivili, prinċipalment nisa u tfal.
Wieħed ma jistax ma jirrimarkax kif l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea waqt li għalqu għajnejhom u dawwru wiċċhom naħa oħra għal dak li qiegħed jagħmel il-Gvern ta’ Netanyahu, f’kunflitti oħra aġixxew b’mod totalment differenti. Wieħed jista’ jħares lejn il-kunflitt fl-Ukrajna fejn l-Unjoni Ewropea, b’mod immedjat intefgħet man-naħa Ukrena, bdiet tgħin finanzjarjament u anke b’armi mill-pajjiżi membri. Mhux biss imma anke imponiet sanzjonijiet fuq ir-Russja. L-Istati Uniti fil-każ ta’ kunflitti oħra ma ħasbithiex darbtejn biex taġixxi u timponi sanzjonijiet. Dawn huma sanzjonijiet li aktar iva milli le ibatu minnhom il-popli ċivili. Ibatu nies innoċenti li ma jkollhom x’jaħtu xejn għall-kunflitt li jkun għaddej.
U waqt li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jibqgħu siktin u indifferenti, il-gvern ta’ Netanyahu jara dan bħala opportunità biex jibqa’ għaddej bit-tindif etniku f’Gaża. Tindif etniku li llum jidher ċar ħafna. Żoni sħaħ f’Gaża litteralment inqerdu, b’attakki li kienu jsiru fuq kollox – żoni ċivili, sptarijiet, skejjel, kampjiet tar-refuġjati u saħansitra anke fil-postijiet fejn ir-residenti ta’ Gaża imorru jiġbru l-ikel.
Siktin fuq l-imblokk ta’ ikel, fejn il-ġuħ intuża bħala arma tal-gwerra. Imma mhux biss. Siktin ukoll dwar l-imblokk tal-informazzjoni biex kemm jista’ jkun tiġi limitata l-informazzjoni. Siktin dwar ammont ta’ ġurnalisti li spiċaw maqtulin. Għal kważi sentejn, l-awtoritajiet Iżraeljani pprojbixxew lill-istampa milli tidħol f’Gaża. Deċiżjoni inaċċettabbli. Deċiżjoni li qiegħda ċċaħħad lill-popli mill-informazzjoni ta’ qed jiġri f’Gaża. Bla ebda dubju xejn ma jiġġustifika imblokk ta’ informazzjoni bħal dan. Id-dritt għall-informazzjoni jinsab attakkat u mhedded imma l-Unjoni Ewropea u anke l-Istati Uniti, li t-tnejn li huma tant jiftaħru b’dan id-dritt, qegħdin jibqgħu siktin. Id-domanda hi sempliċi, dan id-dritt fundamentali ma jibqgħax dritt, jekk ikun taħt attakk f’art Palestinjana? Ma jibqgħx dritt jekk ikun attakkat u ristrett mill-Gvern ta’ Netanyahu?
M’għandhomx dritt il-popli madwar id-dinja ikunu jafu x’qed jiġri jew x’ġara f’Gaża? Nistaqsu dan għax l-Unjoni Ewropea u pajjiżi tagħha baqgħu siktin ukoll quddiem dan. Tajjeb infakkru li l-ftehim ta’ sħubija kummerċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma’ Iżrael jitlob b’mod espliċitu ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem – kundizzjoni essenzjali f’dan il-ftehim. Biss minkejja li qegħdin naraw dan id-dritt tal-libertà tal-istampa jinkiser sfaċċatament, l-Unjoni Ewropea tibqa’ gallarija.
Hi ħsara li l-Unjoni Ewropea ibbażata fuq is-solidarjetà, u li dejjem ippriedkat fuq li tħares id-drittijiet umani, għamlet ftit li xejn favur il-kawża Palestinjana. Din turi id-djgħufija tagħha b’mod partikolari fil-qasam internazzjonali. Kif tista’ l-Unjoni Europea tibqa’ siektà? Kif tista’ il-Kummissjoni Ewropea ma titkellimx b’mod ċar fuq din is-sofferenza Palestinjana.

