Sunday, June 1, 2025

Skiet u indifferenza tal-mistħija mill-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem komplejna naraw xeni ta’ tkexkix f’Gaża. Sofferenzi bla qies. Nies jitkarrbu għall-ikel. Kien proprju fl-aħħar sigħat li n-Nazzjonijiet Uniti ddikjaraw li dawk kollha li qegħdin jgħixu f’Gaża qegħdin jiffaċċjaw il-ġuħ. Dan waqt li l-attakki fuq diversi żoni f’Gaża kompliet.  Rajna kif xejn inqas minn 20 persuna li kienu qegħdin ifittxu għajnuna f’ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid spiċċaw feruti f’attakk. 

Apparti in-nuqqas ta’ ikel il-popolazzjoni f’Gaża qiegħda tiffaċċja nuqqasijiet kbar f’dawk li huma mediċini u kura.  Sptar fit-Tramuntana ta’ Gaża bl-isem ta’ al-Awda, li kien l-uniku sptar li kien fadal f’din iż-żona kien ordnat biet jagħlaq.  

Minkejja pjani biex il-pazjenti jiġu trasferiti, l-apparat mediku ma jistax jitmexxa minħabba l-istat li jinsabu fihom it-toroq. Anki l-ilma hu xi ħaġa skarsa ħafna, bil-poplu f’Gaża irid jitkarrab għal dan.

Traġedja umana kontinwa li rajna teskala sew fl-aħħar ġimgħat. L-attakki fuq Gaża ħallew xejn inqas minn 54,000 Palestinjan bla ħajja u madwar 124,000 oħra feruti. Prattikament illum Gaża ġiet mibdula f’żona ta’ ħerba u tkissir. Qerda totali.

U quddiem din il-qerda totali u quddiem din it-tbatija li għaddej minnha dan il-poplu jispikka is-skiet tal-Unjoni Ewropea. Jispikka is-skiet ta’ istituzzjonijiet Ewropea bħal Kummissjoni Ewropea. Unjoni Ewropea u Kummissjoni Ewropea b’ħalqhom magħluq. Skiet li bla dubju ifisser ħafna. Skiet li meta tara minn xhiex għaddej il-poplu Palestinjan f’Gaża, iġiegħlek tistħi. U mal-Unjoni Ewropea, hemm ukoll il-pajjiżi tal-istess Unjoni Ewropea, li għajr għal xi dikjarazzjoni ‘lhemm u lhawn, baqgħu ukoll siekta.

Qegħdin naraw poplu jiġi attakkat, poplu jitħalla bil-ġuħ u bil-għatx, poplu li fejn kien jgħix tkisser, poplu imċaħħad mill-kura, u quddiem dan skiet. Ebda azzjoni.  Il-mistoqsija hi ċara għaliex?

U din l-attitudni tal-Unjoni Ewropea u istizzjonijiet bħall-Kummissjoni Ewropea – liema Kummissjoni tgħidtx kemm titkellem fuq affarijiet u sitwazzjonijiet imma fuq Gaża fommha mitbuq ħlief għal dikjarazzjoni vaga li ħarġet fit-28 ta’ Mejju. 

Din il-pożizzjoni dgħajfa għall-aħħar tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea turik li fejn tidħol il-politika barranin, l-Unjoni Ewropea baqgħet bla saħħa. Baqgħet ma irnexxielha tagħmel l-ebda impatt. 

Mhux hekk biss imma il-pożizzjoni dgħajfa li ħadet fue dan il-kunflitt f’Gaża u li għal ammont ta’ żmien injorat kompletament u kienet indifferenti lejh, jistona ma’ kif aġixxiet fil-konfront bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Hemmhekk rajna sitwazzjoni totalment differenti. Hemmhekk għall-ewwel darba mindu twaqqfet tissupplixxi għajnuna lill-Ukrajna biex tiġġieled lir-Russja. Rajniha tipprotesta u saħansitra twettaq għadd ta’ sanzjonijiet.

Id-domanda tkun ċara għaliex din id-differenza bejn kunflitt u ieħor? Għaliex dan il-kuntrast? Għaliex il-poplu Palestinjan qiegħed ikun trattat b’mod differenti? 

L-Ukreni nħarġu mill-Ukrajna u ngħataw protezzjoni u kenn f’għadd ta’ pajjiżi Ewropew u dan bla dubju kien pass tajjeb. Għaliex mal-Palestinjani ma sarx l-istess? Dawn mhux ukoll jistħoqqilhom il-protezzjoni? X’għandhom inqas il-Palestinjani minn popli oħra? Għaliex din l-indifferenza mal-poplu Palestinjan?

U ovvjament, quddiem din l-attitudni li qiegħda tieħu l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha, qegħdin naraw li anke l-pajjiżi msieħba qegħdin jibqgħu lura. Hu ċar li l-pajjiżi setgħu għamlu ħafna aktar. Bi ftit għajnuniet u b’xi dikjarazzjoni ‘lhemm u ‘lhawn ta’ kundanna, żgur li ma nistgħux ngħidu li l-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea qegħdin jagħmlu biżżejjed.

Is-skiet tal-Unjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet tagħha – quddiem it-traġedja umana f’Gaża, m’għandu jagħmel xejn ħlief li jġiegħlhom jistħu għall-atteġġjament tagħhom.   Skiet li ħalla l-attakki jkomplu għaddejjin. Tfal, trabi, ommijiet u missirijiet jintradmu fit-tifrik. Familji jitkissru. U dawk li għadhom ħajjin issa ibatu l-ġuħ u l-għatx. Qegħdin jaraw dan b’mod ċar.  Minkejja dan jibqgħu siekta. 

Jibqgħu indifferenti. Ir-riżultat hu li l-vittmi jkomplu jiżdiedu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport