Tuesday, June 24, 2025

“Skills Fund huwa l-frott tal-Cash Rebate”

Aktar minn miljun ewro għall-skills fund tal-crew Malti fil-ħames snin li ġejjin

Aqra wkoll

F’diskors li għamel waqt konferenza mtellgħa mill-Malta Film Commission f’Fort Ricasoli bl-isem “Opportunity for All: Driving Economic Growth. Creating Careers”, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega l-viżjoni għall-industrija tal-films għas-snin li ġejjin. L-għan hu li l-industrija tagħna tibqa’ powerhouse għall-ekonomija, billi nkabbru l-opportunitajiet, u nqawwu l-jobs.

“Ħa nkun sinċier magħkom,” qal Grech lill-udjenza, “għal snin sħaħ kritiċi taw ġudizzju negattiv fuq l-industrija tal-films f’Malta. Qalu li taħdem fil-films mhix karriera soda, mhijiex pilastru ewlieni tal-futur ekonomiku ta’ Malta, mhijiex mutur ta’ impjiegi mħallsa tajjeb is-sena kollha għall-ħaddiema Maltin. Ma setgħux ikunu aktar żbaljati.”

Grech ilu jmexxi l-Kummissjoni tal-films mill-2018. Fl-aħħar ħames snin biss, l-industrija tal-films ġġenerat aktar minn €1 biljun fl-ekonomija ta’ Malta, u sostniet 15,000 impjieg. Fl-2023 biss, iċ-ċinema kienet responsabbli għal 18% tat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta, ċifra xokkanti f’pajjiż li ilu jiddependi mit-turiżmu għal żmien twil.

“L-akbar sfida hija li niżguraw li jkollna biżżejjed crew Malti, bil-ħiliet tajba biex jaħdmu fil-produzzjonijiet li jiġu. 8 minn kull għaxar crew huma Maltin. Issa rridu ngħinu aktar minnhom javvanzaw fil-karriera tagħhom.”

Grech iddeskriva strateġija mmirata li tiffoka fuq il-ħiliet u tara investiment fit-taħriġ, żieda fl-istandards, u passi legali. Dan jinkludi kontribuzzjoni obbligatorja ta’ 0.5% mill-cash rebate ta’ kull produzzjoni għal skills fund. Dan il-proċess mistenni jara aktar minn €1 miljun għat-taħriġ tal-crew fit-tliet snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni tal-Films qed tissieħeb ukoll mal-Università ta’ Malta biex tintegra korsijiet speċifiċi għall-films, flimkien ma’ taħriġ flessibbli biex iħejji lill-ħaddiema jkomplu javvanzaw.

Iżda l-ħiliet mhumiex biżżejjed mingħajr protezzjoni.

“Ma kontx kuntent li sibt li wisq drabi l-crew Malti ma kienx qed jiġi ttrattat l-istess bħall-crew internazzjonali… kuntratti mhux siguri, sigħat żejda u paga inqas… din kienet inġustizzja. U bħala Kummissarju, hija inġustizzja li kelli nwaqqafha,” Grech temm jgħid.

‘Dak li għal nies tal-ġenerazzjoni tiegħi kien ‘il bogħod u distanti llum qed naraw lil pajjiżna u t-talent tiegħu jkun attivament parteċipi fih  – Il-Ministru Owen Bonnici

L-industrija tal-films f’Malta għaddiet minn transformazzjoni kbira, mill-2018 ‘l hawn. Nirringrazzja lill-Kummissarju tal-Films Johann Grech u t-tim ħabrieki tiegħu tal-viżjoni li kellu u tal-viżjoni li wettaq u se jkompli jwettaq. 

Dan iddikjarah il-Ministru għall-Kultura, Artijiet u Gvern Lokali Owen Bonnici meta kien qed jindirizza lil dawk prezenti.

Il-Ministru Bonnici faħħar l-ħidma li biha l-Kummissjoni għelbet diversi sfidi fosthom il-kompetizzjoni ta’ pajjiżi ġirien u  l-pandemija. 

“Għandu raġun Johann Grech ikun kburi bir-riżultati li kiseb mill-2018 sal-lum, fejn Malta rat 169 produzzjoni, inkluż blockbusters u produzzjonijiet oħra b’baġits ta’ ‘l fuq minn €635 miljun”.

Huwa qal li llum l-industrija saret wieħed mill-pedamenti ewlenin għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. “Waqt li għal nies tal-ġenerazzjoni tagħna l-films kienu xi ħaġa distanti u ‘l bogħod, illum pajjiżna sar destinazzjoni mill-aqwa li toffri karrieri u opportunitajiet sbieħ, ” kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici. 

Huwa qal li l-futur se jkun isbaħ. “Għat-tfal li joħolmu b’futur fil-qasam tal-films, l-isbaħ żmien għad irid jiġi!” temm jgħid Dr Bonnici.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport