Saturday, October 26, 2024

Skjavitù modern … “€500 paga fix-xahar imma bla ħlas ta’ kera u ikel”

Aqra wkoll

Minn VICTOR VELLA

“Ninsabu irrabjati għax minn mindu bdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-COVID19 qegħdin naraw li l-ħlas għal servizz ta’ nanny naqas drastikament. Naqas tant li llum qed jiġu offruti kundizzjonijiet li mhuma xejn għajr skjavitu modern.  Il-ħlasijiet huma baxxi tant li huma ħafna inqas mill-paga minima.  Is-sigħat rikjesti huma aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa. Il-ħlasijiet offruti ivarjaw minn €500 sa €600 fix-xahar, bl-iskuża li l-ikel hu ipprovdut u kera ma tħallasx għax tista’ tgħix fl-istess dar”.

Dan sostnewh diversi  ‘nannies’  u ħaddiema oħra domestiċi li fl-aħħar jiem tkellmu magħna u lmentaw minn sitwazzjoni fejn qed jiġu offruti ħlasijiet baxxi immens.  Stħarriġna magħhom dwar dak li għaddej fejn jirriżulta li dawn ftit li xejn huma konxji tar-regoalmenti li jeżistu għal ħaddiema domestiċi, għalkemm jilmentaw ukoll li anke bl-istess regolamenti huma ftit li xejn jistgħu jilmentaw għax ikunu huma stess li jbatu.

Waħda minn ‘nannies’ qaltilna li “f’ħafna avviżi li jsiru ma jgħidulekx il-ħlas. Meta titkellem magħhom fuq ħlas joffrulek xi €600 f’idejk fix-xahar. Iġibu l-iskuża li l-ikel hu inkluż u li jekk trid tista’ tgħid fl-istess dar, b’kamra privata għalik. Jinkwetani l-fatt li dan qed isir għax hawn min lest li jisfruttaw persuni barranin li hawn f’pajjiżna. Dan m’għandux ikun. Hu minnu li bħalissa hawn ħaddiema li lesti jaħdmu, ikun x’ikun il-ħlas. Dawn mhux barranin biss, imma anki Maltin. L-appell tiegħi lill-awtoritajiet hu li jinvestigaw dak li għaddej f’dan il-qasam”.  Nistaqsuha jekk hix konxja ta’ regolamenti li jeżistu f’dan il-qasam u li huma ċari li l-ħlas tal-ikel għandu jitnaqqas mill-ħlas, hi qaltilna li “mhux konxja tagħhom.” Tgħidilna ukoll li “imbilli hemm ir-regolamenti, jien kif se neħodha kontra min qed iħaddimni. Jien x’saħħa għandi? Mhux jispiċċa jwaqqafni. Nista’ ngħidlek li kellna avviżi li kienu onlajn. Kien hemm ħafna kkummentaw. Min qalilhom li qed jiksru l-liġi li  mhux jagħtu l-paga minima imma kien hemm oħrajn li kitbu li huma interessati għal dak ix-xogħol. Din hi s-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Kompetizzjoni sħiħa u l-ħlas jaqa’”.

Tkellem ukoll magħna ‘live in carer’. Hu qalilna li “l-ħlas offrut lili kien ta’ €650 fix-xahar. Qaluli li nista’ ngħix fir-residenza u ma nħallasx tal-ikel. Naħdem tmien sigħat mit-Tnejn sas-Sibt u l-Ħadd inkun barra. Dawn il-kundizzjonijiet huma ferm differenti minn kif kont naħdem qabel il-Covid19. Il-kundizzjonijiet jidher li marru għall-agħar”.

Isostni li “għażla ma tantx għandek. Jew tieħdu x-xogħol jew le”. Mistoqsi dwar jekk dan kienx irrappurtat lill-awtoritajiet kompetenti, l-istess carer qalilna li “ħsibtha. X’se nieħu b’daqshekk? Mhux se tkun ovvja li jien irrappurtajt. Mhux jien nispiċċa bla xogħol.”

Ħaddiema oħra li taħdem ‘live in’ qaltilna li “dak li qed jinkwetana hu li minkejja li l-paga hi ħafna inqas mill-paga minima, xorta dawn l-impjiegi qegħdin jittieħdu. Kien hemm applikazzjonijiet li anke Maltin kienu interessati li jidħlu għal dan ix-xogħol b’dawn il-kundizzjonijiet. Dan għax huma jkunu qed jaraw li se jiffrankaw il-kirja u l-ikel, fatturi li llum l-ispiża tagħhom mhix żgħira. Jien nemmen li dan ix-xogħol għandu jkun regolarizzat u jkun hemm għarfien dwar x’kundizzjonijiet għandhom jiġu offruti”.

Meta mistoqsijin dwar kemm huma infurmati bir-regolamenti li jeżistu fejn jidħlu l-ħaddiema domestiċi u li magħhom jaqgħu dawk li jkunu offruti jgħixu fid-djar ta’ min iħaddimhom, l-istess ħaddiema ma’ kienux infurmati bir-regolamenti. L-istess ħaddiema, meta mistoqsijin semmew biss li huma infurmati li l-paga minimina llum hi ta’ €771 fix-xahar u għalhekk ferm u ferm aktar minn dak offrut.

Hemm regolamenti ċari għal ħaddiema domestiċi

Filfatt naraw li r-regolamenti jaqsmu l-ħaddiema domestiċi f’sitt gruppi.  Grupp 1   jikkonsisti f’dawk il-ħaddiema impjegati bix-xahar li jorqdu fid-dar tal-prinċipal tagħhom għal mhux anqas minn sbatax-il lejl fi kwalunkwe xahar. Imbagħad hemm Grupp 2 li jikkonsisti f’dawk il-ħaddiema impjegati bix-xahar li jorqdu fid-dar tal-prinċipal tagħhom għal anqas minn sbatax-il lejl f’xahar jew li ma jorqdu xejn.  Hemm imbagħad Grupp 3 li jikkonsisti  f’dawk  il-ħaddiema  impjegati  bil-ġimgħa li jorqdu fid-dar ta l-prinċipal tagħhom għal mhux anqas minn erbat ijiem fi kwalunkwe ġimgħa. Grupp 4 jikkonsisti  f’dawk  il-ħaddiema  impjegati  bil-ġimgħa li jorqdu fid-dar tal-prinċipal tagħhom għal anqas minn erbat ijiem f’ġimgħa jew li ma jorqdu xejn. Grupp 5 jikkonsisti  f’dawk  il-ħaddiema  mpjegati  bil-ġurnata. Hemm imbagħad Grupp 6  li jikkonsisti  f’dawk  il-ħaddiema  li  huma  mpjegati bis-siegħa.

Ir-regolamenti jgħidu ċar u tond li “s-sigħat ta’ xogħol ta’ dawn il-ħaddiema  għandhom ikunu ta’ mhux aktar minn tmienja fi kwalunkwe ġurnata, iżda mhux iktar minn erbgħin siegħa fi kwalunkwe ġimgħa”.

Dwar il-ħlas ir-regolamenti jisħqu li “l-ħlas għal ħaddiema fi Grupp 1 għandu jkun ta’ €799.23 fix-xahar, il-ħaddiema fi Grupp 2 jitħallsu €794.57 fix-xahar, il-ħaddiema fil-Grupp 3 €184.57 fil-ġimgħa, ħaddiema fil-Grupp 4 €182.82 fil-ġimgħa. Il-ħaddiema fil-Grupp 5 jitħallsu €30.47 kuljum.

L-istess regoalmenti jitkellmu dwar sahra u l-ħlas tal-vaganzi u jgħidu li dawn il-ħaddiema huma intitolati għall-ħlas b’ħin u nofs għall-ħin kollu ta’ xogħol iżjed minn tmien sigħat fi ġranet normali, u għall-ħin kollu ta’ xogħol maħdum  aktar mill-erbgħin sigħa. Ħaddiema  li  jaħdmu  f’vaganza  tas-soltu  jkunu  ntitolati għal paga doppja għall-ġurnata xogħol, u ħlas b’ħin doppju għax xogħol kollu maħdum iżjed minn tmien sigħat. Ħaddiema  li  jaħdmu  fil-ġurnata  ta’  mistrieħ  tagħhom jitħallsu bir-rata ta’ ħin doppju għall-ħin kollu li jinħadem.

L-istess regolamenti jitkellmu dwar l-ikel tal-istess ħaddiema.  Ir-regolamenti jgħidu li “l-ħaddiema  fil-Gruppi  1  u  3  f’dawk  il-ġranet  meta jorqdu fid-dar tal-prinċipal tagħhom, u ħaddiema fil-Gruppi 2 u 4 f’dawk il-ġranet meta jorqdu fid-dar tal- prinċipal tagħhom, ikunu ntitolati għall-ikel kollu, u f’dawk il-ġranet meta ma jorqdux fid-dar tal-prinċipal tagħhom ikunu ntitolati għall-ikel kollu minbarra l-ikla ta’ fil-għaxija.

Ħaddiema fil-Grupp 5 għandhom ikunu ntitolati għall-ikel kollu minbarra l-ikla ta’ fil-għaxija.

Ħaddiema fil-Gruppi 1 u 3  f’dawk il-ġranet meta ma jorqdux fid-dar tal-prinċipal tagħhom, u ħaddiema fil-Gruppi 2 u 4 f’dawk il-ġranet meta ma jorqdux fid-dar tal-prinċipal tagħhom, u ħaddiema fil-Grupp 5 ikunu ntitolati għall-ikla ta’ fil-għaxija meta s-sigħat ta’ xogħol tagħhom ’il fuq minn tmienja fi kwalunkwe ġurnata, ikunu iżjed minn tlieta: Iżda l-ħaddiema fil-Gruppi 1 u 2 ikollhom €48.36 mnaqqsa kull xahar mill-anqas rimunerazzjoni tagħhom, il-ħaddiema fil-Gruppi 3 u 4 ikollhom ħdax-€11.16 mnaqqsa kull ġimgħa mill-anqas rimunerazzjoni tagħhom, u l-ħaddiema fil-Grupp 5 ikollhom €1.86 mnaqqsa kuljum mill-anqas rimunerazzjoni tagħhom, bħala kumpens tal-ikel li għalih huma ntitolati.

Jekk  il-ħaddiema  ma  jużawx  id-dritt tagħhom għal xi ikel kif imsemmi qabel, huma ma jkunux intitolati għal ebda kumpens ta’ flus minflok l-ikel.

Sport