Tuesday, April 23, 2024

SKJAVITÙ MODERN? 

Aqra wkoll

Minħabba l-iżviluppi mgħaġġla li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol, huwa meħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għal forom ġodda ta’ xogħol li qed jinħolqu. Dan għandu jsir sabiex dawn il-ħaddiema ikunu jistgħu jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u mhux ikunu sfruttati jew agħar minn hekk jitħallsu b’paga miżera. 

F’dawn l-aħħar snin, f’pajjiżna rajna jikber il-fenomenu tal-ħaddiema tal-pjattaformi, jew aħjar dawk li jipprovdu servizz jew xi xogħol speċifiku iżda ma jafux min qabbadhom jagħtu dak is-servizz jew jagħmlu dak ix-xogħol. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi dawk li jqassmu l-ikel bil-muturi jew karozzi kif ukoll servizz ta’ trasport privat. 

Fi żmien il-pandemija, ħafna kienu dawk li għamlu użu minn dawn is-servizzi anke minħabba r-restrizzjonijiet li kienu imposti fejn ir-ristoranti kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom u joffru biss is-servizz tat-‘take-away’. Issa li Malta reġgħet qabdet it-triq tan-normalità, wara dan il-perjodu diffiċli tal-pandemija, ħafna għadhom jippreferu jixtru l-ikel online u jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. 

Li huwa ta’ tħassib però huwa l-ħlas baxx li dawn il-ħaddiema tal-pjattaformi qegħdin jingħataw. Dan wassal biex il-ġimgħa li għaddiet mat-300 sewwieq tal-Bolt Food ħarġu fuq strike. Għalkemm huwa dritt tal-ħaddiema li jistrajkja, minnu nnifsu dan l-istrajk affettwa wkoll l-istabbilimenti tal-ikel. Dan meta l-istess industrija qiegħda wkoll  taffaċċja sfidi oħra inkluż dik tar-riżorsi umani. 

Dawn il-ħaddiema, fil-maġġoranza tagħhom barranin, għażlu li jsemmgħu leħinhom dwar il-kundizzjonijiet li fihom qegħdin jaħdmu. “Immaġinak taħdem bejn 12 u 15-il siegħa kuljum, xemx u xita, u tispiċċa b’€40 biss fil-but. Dan apparti li trid ħallas tal-fjuwil,” ġew irrapportati jgħidu wħud minn dawn il-ħaddiema.

Din ir-realtà ta’ ħaddiema li qed jitħallsu b’rati aktar baxxi mill-paga minima, deskritta minn ċertu analisti bħala “l-iskjavitù moderna” jeħtieġ tiġi indirizzata mill-aktar fis possibbli. Huwa f’dan il-kuntest li nemmnu li kull ħaddiem għandu jkollu d-drittijiet tiegħu salvagwardjati u dawn id-drittijiet jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin biex wieħed ikun jista’ jgħix ħajja diċenti. Għalhekk is-sħubija fit-trejdunjin hi kruċjali. 

Il-General Workers’ Union ilha tisħaq li l-ħaddiema kollha għandhom ikunu organizzati fi trejdunjin tal-għażla tagħhom. Li hu żgur hu li jekk dawn is-setturi jiġu regolarizzati b’xi mod ikun ta’ benefiċċju mhux biss għall-ħaddiema imma wkoll għal min iħaddem għaliex ikun qed jopera skont il-liġi. 

Sport