Mela l-President Amerikan Donald Trump bħal donnu jrid jagħmel aktar minn ‘ġennata’ waħda biex jibqa’ b’xi mod imniżżel fl-istorja Amerikana u dik dinjija. Minn attakk fuq il-White House sa waħda mill-aktar riċenti, dik li jrid jaħtaf il-Medda ta’ Gaża. Għax bħal donnu mhux biżżejjed li sar President tal-Istati Uniti tal-Amerika għat-tieni darba! Il-pjan li Trump għandu għal Gaża u għal aktar minn żewġ miljuni Palestinjani li jgħixu qalb it-tifrik li kkawżaw il-qawwiet militari Iżraeljani m’hu xejn għajr skjavitù ġdid.
Naħseb li taf x’inhi l-proposta ta’ Trump f’dan ir-rigward. Fil-qosor, jekk ma tafhiex, il-proposta hi li l-Amerikani jieħdu f’idejhom il-Medda ta’ Gaża, ‘jaħtfu’ aktar minn żewġ miljuni Palestinjani li jgħixu hemm, jirrenduhom f’refuġjati u jibagħtuhom f’pajjiżi Għarab oħrajn, fosthom il-Ġordan u l-Eġittu. Trump jrid jibdel il-Medda ta’ Gaża f’riviera mmirata għas-sinjuri.
U fuq liema kriterju Trump jrid jagħmel dan? Lanqas li kieku l-Medda ta’ Gaża tifforma parti mill-Istati Uniti ma jkun faċli għalih jagħmel hekk, aħseb u ara kemm taqbad aktar minn żewġ miljun ruħ, qisek qed taqbad il-kaxxi tal-kartun, toħdilhom arthom u tiddikjara fejn għandhom jintbagħtu jgħixu. Irid esodu ieħor Palestinjan simili għal dak kawżat fl-1948 biex seta’ jinħoloq l-istat ta’ Iżrael.
Trump jaf aktar minn biżżejjed li fil-ħerba, fit-tifrik, fil-qtil ta’ aktar minn 47,000 Palestinjan, fosthom eluf kbar ta’ tfal, tul il-gwerra li ilha għaddejja aktar minn sena, intużaw primarjament armamenti Amerikani apparti kull forma oħra ta’ appoġġ. L-Amerikani għandhom ikunu huma li jibnu dak li tfarrak bl-appoġġ tagħhom, mingħajr il-pretensjoni li Ġaża ssir tagħhom.
In-nuqqas ta’ qbil mal-pjan ta’ skjavitù Trumpjan kien u huwa evidentissimu minn tista’ tgħid id-dinja kollha, inkluż pajjiżi Ewropej meqjusin bħala ‘alleati’ tal-Amerikani. Ma ninsewx li Trump ma eskludix li biex jilħaq l-għan tiegħu ma jużax truppi Amerikani. Hekk kien ġara 20 sena ilu, fl-2005 meta truppi Amerikani okkupaw l-Iraq. Min jista’ jlum lill-pajjiżi Għarab u lill-Palestinjani li jissuspettaw li Trump jista’ ‘jagħti’ il-permess, ibierek lill-Iżrael fit-teħid tax-Xatt tal-Punent, illum diġà okkupat minn truppi Iżraeljani, u jagħmlu parti minn Iżrael?
U Malta? Fejn u kif nidħlu f’din l-istampa? Il-Palestinjani jidhru li ppretendew li Malta tkun aktar voċifera kontra din l-atroċità fil-konfront tagħhom. Il-Palestinjani jafu u dejjem apprezzaw l-appoġġ li pajjiżna tahom fl-istorja tal-biki li jesperjenza ta’ kuljum dan il-poplu. Il-Palestinjani jippretendu u jistennew bil-ħerqa li Malta tirrikonoxxihom bħala stat. U nemmen li hekk għandu jkun.
Nemmen u nippretendi li Malta toqgħod ferm attenta li ma tkunx parti minn xi ħaġa li tkompli ċċaħħad id-dritt ta’ poplu li jgħix f’artu b’mod ħieles minn kull ħakma. Ġejja mnejn ġejja. Il-poplu Palestinjan għandu jkollu l-istess drittijiet li għandu kull poplu ieħor f’dinja ċivilizzata. Żmien l-iskjavi għadda u mar bil-marki koroh li ħalla warajh u bil-mistħija li messu kkawża f’wiċċ min kien jipprattikah.
Aħseb u ara kemm m’għandu qatt ikun aċċettabbli li jiġi l-President Amerikan fis-sena 2025 u jipproponi l-iskjavitù ġdid li twebbel bih fil-konfront ta’ aktar minn żewġ miljun Palestinjan u arthom. Tal-mistħija!
Nuqqas ta’ ‘bus shelters’ f’Santa Luċija
Aktar minn sena ilu minn din il-paġna kont tellajt ilment ta’ resident minn Santa Luċija dwar nuqqas ta’ bus shelters fil-lokalità kif ukoll dwar il-kwalità ta’ dawk li hemm. Ma jidhirx li ttieħdet xi azzjoni, tant li fil-jiem li għaddew wasalli ilment simili. Qed nippubblikah kelma b’kelma u mingħajr ebda kumment miegħu. Ma nikkummentax mhux għax m’hemmx lok għal kummenti imma għax dak li kitibli l-qarrej jitkellem għalih waħdu. Hemm għadd ta’ mistoqsijiet x’jitwieġbu. Tkun ħasra jekk ilmenti bħal dawn ma jingħatawx widen. Attitudni ta’ din ix-xorta hemm bżonn tingħata attenzjoni u mhux il-ħmar iwaħħal f’denbu. Għax kif dejjem emmint: jekk ħaġa tmur ħażin, ĦADD M’HU RESPONSABBLI, imma jekk ħaġa tmur tajjeb allura trid tagħmel DNA tagħha għax KULĦADD IKUN MISSIERHA.
Dan li ġej huwa dak li wasalli mingħand qarrej regolari ta’ din il-paġna. Ir-resident li jissemma’ hawn taħt mhux il-qarrej li għaddieli dak li se taqra.
Ftit taż-żmien ilu kont wassalt fil-paġna popolari tiegħek l-ilment ta’ resident minn Santa Luċija dwar in-nuqqas ta’ ‘Bus Shelters’. Sal-lum il-qagħda ftit li xejn tjiebet. Hemm xejn inqas minn tminn ‘Bus Shelters’ neqsin – Gardenia, Oleandri, Narċis, Santa Luċija, Rand, Bruka, Tursin u Pepprin. Fi Triq il-Pepprin hemm ukoll waqfa temporanja fejn m’hemmx ‘Bus Shelter’.
Sadanittant, ir-residenti jkollhom jistennew mingħajr ebda lqugħ fil-kesħa jew fis-sħana skont l-istaġun. Ħalliha li saqaf tal-ħġieġ ma tantx hu lqugħ tajjeb għax-xemx. Meta tkun xi ġurnata eqlel mill-oħrajn, id-diskors ta’ min ikun qed jistenna jaqa’ dwar għaliex m’hemmx ‘Bus Shelters’. U kull kelliem jibda jwaħħal f’dak u fl-ieħor. Min iwaħħal fil-Kunsill u jgħid li m’għandux saħħa. Min jgħid li l-kuntrattur li ħa l-kuntratt biex iwaħħal il-‘Bus Shelters’ jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jgħid il-Kunsill u l-Gvern, għax ħadd ma jista’ għalih. Min iwaħħal fi Transport Malta li suppost tara li jkun hemm ‘Bus Shelters’ fejn suppost u mhux in-naħa l-oħra tat-triq. Min jgħid li l-Ministeru li taħtu taqa’ Transport Malta jisma’ u ma jagħtix widen, u ħadd minn dawk li jkunu qed jistennew ma jaf eżatt min jaħti għaliex għad m’hemmx dawn l-imberkin ‘Bus Shelters’.
Min għandu widnejn biex jisma’ nappellalu jisma’ u min għandu għajnejn biex jara nappellalu jara. Kull kelma oħra tkun żejda.