Skoċċiż ta’ 41 sena ġie mmultat €58 wara li tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika u pussess ta’ sustanzi f’lukanda f’San Ġiljan.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ fil-lejl tal-jiem li għaddew u li l-Pulizija ġew infurmati biex jassistu f’argument.
Meta daħlu fil-kamra tal-lukanda sabu lill-imputat mal-allegata vittma, li qalet li taha daqqa f’wiċċha. Ingħad li minn tfittxija illi saret fl-istess kamra, instabu xi sustanzi.
Kien hemm fejn l-imputat ġie arrestat minnufih dwar il-pussess tagħhom u dwar l-allegat każ ta’ vjolenza domestika.
L-allegata vittma, li qiegħda fuq btala mal-imputat, irrifjutat li tieħu kura medika, ma riditx tiftaħ rapport mal-Pulizija u ma riditx protezzjoni mill-imputat, meta ġiet offruta.
Quddiem il-Maġiistrat Gabriella Vella li kienet qed tisma’ l-każ, l-imputat wieġeb li huwa ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Maġistrat Vella innutat li l-imputat għandu kondotta nadifa u mponiet multa ta’ €58.