Friday, November 15, 2024

SkolaSajf b’suċċess għal tfal Għawdxin b’diżabilità

Aqra wkoll

Għat-tielet sena konsekuttiva, tfal b’diżabilità f’Għawdex dan is-sajf ingħataw servizz biex jibqgħu jiżviluppaw u jkollhom l-opportunità jattendu SkolaSajf bħal tfal oħrajn. Dan seħħ b’riżultat ta’ ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Għaqda Non-Governattiva Għawdxija Voice for Inclusion Association Gozo. Is-servizz ingħata f’Sannat Special Unit, Għawdex.

Madwar 52 student attendew għal għadd ta’ sessjonijiet speċifiċi li offrew lill-parteċipanti esperjenza ta’ tagħlim permezz ta’ lezzjonijiet strutturati. Fost is-suġġetti trattati kien hemm id-drama, ix-xjenza u l-mużika. Barra minn hekk, it-tfal kienu offruti wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ b’attenzjoni individwali.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, fil-jiem li għaddew żaru s-Sannat Special Unit, fejn apparti li ltaqgħu ma’ dawk responsabbli mit-tmexxija ta’ dawn is-servizzi, setgħu wkoll isegwu wħud mis-sessjonijiet li kienu qegħdin jingħataw.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif dan il-proġett hu turija ċara kemm il-Gvern jemmen u għandu fiduċja fl-għaqdiet volontarji. “Ridna li t-tfal b’diżabbiltà jkollhom kontinwazzjoni wkoll fis-sajf biex meta jidħlu fir-rutina tax-xitwa ma jkollhomx sfida doppja. Nirringrazzja lill-NGO Voice for Inclusion Gozo li snin ilu kellha ħolma li komplejna nkabbruha b’ħidma konġunta bejn tliet ministeri differenti,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Dan is-servizz qed ikompli jitjieb u aktar tfal Għawdxin ta’ kull sena qegħdin jattendu għal dan il-programm iffinanzjat mill-Gvern. Fil-fatt, huwa ta’ pjaċir ninnota li min-numru żgħir li bdejna ta’ 9 persuni, illum tlajna għal 52 tifel u tifla li qed jattendu SkolaSajf fl-Ispecial Unit f’Ta’ Sannat sabiex ikomplu jiżviluppaw u jsaħħu l-ħiliet tagħhom”.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li dan il-programm huwa xhieda ta’ inklużjoni għaliex dawn it-tfal b’diżabilità għandhom iċ-ċans li jesperjenzaw l-istess esperjenzi bħall-oħrajn. Huwa temm jgħid li l-Gvern kommess li jkompli għaddej b’aktar ħidma u b’aktar inizjattivi sabiex verament kulħadd jingħata l-istess opportunitajiet.

Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, enfasizza l-importanza ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet bejn entitajiet differenti għax dan ifisser li qed jitwasslu servizzi li jikkumplimentaw lil xulxin. Kompla li permezz ta’ dan il-proġett ma’ tfal b’diżabilità f’Għawdex, qed jiġi indirizzat bżonn kemm edukattiv kif ukoll soċjali grazzi għall-kontribut tal-entitajiet kollha involuti. “Hu l-impenn tal-Aġenzija li tkompli tinvesti u ssaħħaħ servizzi fil-komunità speċjalment dawk inklussivi u li huma wkoll ta’ sostenn għall-familjari ta’ persuni b’diżabilità,” temm jgħid is-Sur Scicluna.

Pauliana Said, iċ-Chairperson ta’ Voice for Inclusion Gozo, irringrazzjat lill-Gvern tal-impenn tiegħu sabiex ikompli joffri servizzi speċjalizzati lil tfal b’diżabilità f’Għawdex. Is-Sa Said saħqet li dan l-investiment qed jgħin fl-iżvilupp ta’ dawn it-tfal.

Ekonomija

Sport