Tuesday, December 24, 2024

“Skont il-kostituzzjoni, il-liġijiet li jgħaddu mill-Parlament iridu jiġu ffirmati mill-President kważi fl-immedjat”

Aqra wkoll

“L-ewwel u qabel kollox il-President irid ikollu rispett għall-istat, il-governabbiltà, l-istabbiltà politika u anke lejn l-istess Kostituzzjoni”.

Stqarr dan il-President ta’ Malta, George Vella waqt li indirizza serata kommemorattiva tar-Repubblika fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, Għawdex.

F’riflessjonijiet dwar ir-realtajiet preżenti, il-President Vella spjega l-importanza li wieħed iħaddem il-poter li għandu b’rispett u b’kunsiderazzjoni lejn il-kelma u l-intenzjoni tal-Kostituzzjoni.

“Repubblika tfisser li għandek stat li huwa definit fil-politika, li għandu n-normi u r-regolamenti tiegħu li huma ġestiti kollha fil-Kostituzzjoni”, spjega l-President.

Fisser kif il-president jirrappreżenta l-istat u jimxi skont is-setgħat li tagħtih il-Kostituzzjoni.

Il-President qal li huwa jisma’ l-vuċi popolari u jwassal ħsibijietu lil min qed fl-eżekuttiv però bl-ebda mod ma jista’ l-President jimponi d-deċiżjonijiet tiegħu fuq dawk ta’ ħaddieħor.

“Sal-lum il-president mgħandux il-poter li jinjora liġi li tkun għaddiet b’mod demokratiku mill-parlament, jaqbel jew ma jaqbilx magħha, sakemm m’għandux oġġezzoni morali gravi li jippreferi li jagħlaq kollox u jitlaq lejn id-dar milli jiffirma dik il-liġi”, żied jgħid il-President Vella.

Il-President temm jgħid li rwol fundamentali tiegħu huwa li jara li jibqa’ jkollok l-istabbiltà politika. “Ma jistax, kwalunkwe president, kapriċożżament, joħloq kriżi kostituzzjonali. Ma jistax jara li jkollok instabbiltà politika. Irid jara li jkun hemm il-governabbiltà, li l-pajjiż jibqa’ għaddej.”

Ekonomija

Sport