Saturday, December 21, 2024

Skont ix-Xjenza, kemm nistgħu nieklu laħam aħmar f’ġimgħa?

Aqra wkoll

Għal dawk kollha li jħobbu jieklu l-laħam aħmar, ma tantx se jieħdu gost bir-riżultati tal-aħħar riċerka.

Xjenzati mill-Università ta’ Harvard qalu li kienu studjaw aktar minn 200,000 persuna dwar x’dieta jsegwu u dwar kemm jieklu laħam aħmar fil-ġimgħa. Skont din ir-riċerka, ir-riżultati wrew li jekk persuna tiekol aktar minn żewġ porzjonijiet ta’ laħam aħmar fil-ġimgħa, ikollha riskju ogħla ta’ zokkor fid-demm.

Min-naħa tagħhom, ix-xjenzati rrakkomandaw biex kull persuna ma taqbiżx is-70g ta’ laħam aħmar kuljum. Fi kliem iktar sempliċi u konkret, dan ifisser li f’jum wieħed m’għandhomx jiġu kkunsmati iktar minn biċċtejn żgħar bacon jew iktar minn zalzetta u nofs, mhux aktar minn ħames slices ta’ perżut, jew inkella mhux aktar minn nofs burger jew terz ta’ steak.

Għaldaqstant, jekk persuna tieħu kolazzjon li jkun fih il-bacon u z-zalzett kuljum, tkun diġà kważi laħqet l-ammont ta’ laħam aħmar ta’ ġimgħa sħiħa. L-esperti jsostnu li l-ammont ideali f’jum wieħed huwa ta’ madwar 28g-45g ta’ laħam ipproċessat u sa massimu ta’ 85 gramma ta’ laħam aħmar mhux ipproċessat.

Dawk il-persuni li qegħdin jaqbżu l-ammont rakkomandat, jinsabu f’riskju kbir li jkollhom problemi f’qalbhom u anke li jesperjenzaw xi mard serju, fosthom il-kanċer.

Ix-xjenzati qalu li hemm rabta bejn l-ikkunsmar tal-laħam aħmar u li persuna żżid fil-piż. Jekk persuna tkun qed iżżid fil-piż, allura għandha riskju akbar ta’ zokkor fid-demm u anke mard ieħor.

B’kollox, f’dan l-istudju ħadu sehem ftit inqas minn 217,000 persuna li damu jiġu studjati bejn sentejn u erba’ snin. Minn dan l-ammont kien hemm 22,000 persuna li kienu jaqbżu sew il-porzjon ta’ laħam aħmar rakkomondat u li eventwalment ħarġilhom iz-zokkor fid-demm.

Ekonomija

Sport