Monday, December 23, 2024

Skont studju dwar il-parental alienation 97% qalu li qatt ma kienu mċaħħda milli jaraw lil uliedhom

Aqra wkoll

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza, ippubblikaw studju li jagħti stampa aktar ċara dwar kemm is-soċjetà Maltija hija konxja ta’ każijiet ta’ parental alienation. F’ċerti każijiet, it-tfal jispiċċaw iġorru piż bla mistenni u jispiċċaw ballun bejn iż-żewġ ġenituri.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan l-istudju ġie kummissjonat mill-Kumitat Tekniku, li twaqqaf apposta sabiex joħloq aktar għarfien u stampa xjentifika dwar dan is-suġġett. Din hija realtà li għalkemm ma tolqotx ħafna familji, xorta waħda tista’ tħalli xi tip ta’ impatt negattiv fuq il-familji. L-agħar li jintlaqtu huma t-tfal li fuqhom tkun qed issir pressjoni sabiex ma jkunx hemm kuntatt jew xi tip ta’ aljenazzjoni fuq il-ġenitur l-ieħor.

“Dan il-gvern diġà qed jaħseb għall-bidliet legali sabiex jissalvagwardja l-interessi ta’ kulħadd, jiġifieri dawk tal-ġenituri u l-aqwa interessi tat-tfal infushom. Ma rridux nieħdu approċċ li noqogħdu lura u ma nitkellmux dwar suġġetti li qed jaffettwaw il-ħajja tan-nies”, qal il-Ministru Falzon.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis irringrazzja lill-Kumitat Tekniku dwar parental alienation u x-xogħol li qed jagħmlu f’dan il-qasam speċifikament parental alienation u parental enstrangement. Dawn huma kunċetti fejn joħolqu pressjoni fuq il-ġenitur li jinżamm ’il bogħod mit-tfal u viċe versa. Il-Ministru Zammit Lewis saħaq dwar l-importanza tal-preżenza taż-żewġ ġenituri fil-ħajja tat-tfal u huwa proprju għalhekk li qed nindirizzaw dawn iż-żewġ realtajiet.

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li se jibqa’ kommess li jgħin lil dawk il-familji li qed jgħaddu minn parental alienation jew parental estrangement sabiex inżommu l-interess ta’ tfal bħala l-punt prinċipali, kompla jisħaq dwar l-importanza ta’ taħriġ regolari lill-professjonisti, inklużi l-membri tal-ġudikatura u dawk ta’ professjoni legali biex anke huma jifhmu l-konsegwenzi ta’ dawn il-pjagi soċjali li jaħkmu wħud mill-familji Maltin u Għawdxin u jaġixxu b’kunsiderazzjoni mal-klijenti tagħhom.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat Tekniku, Andy Ellul, osserva numru ta’ xejriet li jagħtu aktar definizzjoni u stampa ċara ta’ x’jikkonstitwixxi parental alienation.

  • Minn dan l-istudju joħroġ li 80% qatt ma semgħu b’dan it-terminu, filwaqt li 3.4% biss  jafu xi jfisser, u 12% qalu li dawn jinkludu sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri ma jiħdux ħsieb sew lit-tfal tagħhom.
  • In-nisa huma iktar konxji mill-irġiel dwar is-suġġett. L-anzjani huma dawk l-iktar li huma konxji dwar is-suġġetti.
  • Persuni mhux miżżewġin huma aktar konxji minn persuni miżżewġin dwar is-suġġett.
  • Dawk b’livell għoli ta’ edukazzjoni (70%), u dawk li għandhom paga għolja (82%) huma l-aktar konxji dwar is-suġġett.
  • 25% ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istudju jafu lil xi ħadd li għaddej minn sitwazzjoni simili. 8% ta’ dak li wieġbu dan l-istudju qalu li għandhom membru fil-familja li għaddej minn parental alienation.
  • 97% qalu li qatt ma kienu mċaħħda milli jaraw lil uliedhom.  
  • Jista’ jkun li jkun hemm istanzi ta’ parental alienation anke f’każijiet fejn il-koppji jkunu miżżewġin.

Intant dan l-istudju se jkun qed jinfirex fil-ġimgħat li ġejjin u jidħol iktar fil-fond biex jifhem aħjar x’jista’ jsir biex ikun eliminata dan is-sens ta’ mibegħda. L-għan aħħari huwa dak li l-interessi tat-tfal jiġu l-ewwel u qabel kollox.  

Ekonomija

Sport