Sunday, November 24, 2024

Skoss qawwi għal Ħamrun Spartans

Aqra wkoll

Meta mill-ewwel sitt timijiet kulħadd ħa­reġ rebbieħ minbarra ċ- champions, Ħamrun Spartans, il-leaders Hibernians baqgħu jżommu l-vantaġġ ta’ erba’ punti fuq it-team ta’ warajhom, Floriana, iż­da l-Ħamruniżi sfaw megħ­luba bi skor kbir biex ħadu skoss qawwi fit-tentattiv tagħhom li jżommu t-titlu.

Il-programm kien jinkludi xejn inqas minn tliet doubles li ġew minn Hibernians kontra Sliema W. (3-0 u 1-0), Floriana kontra Balzan (2-1 u 2-1) u Gzira U. kontra Hamrun S. (1-0 u 4-1).

Hibernians komplew għaddejjin bis-sensiela po­żittiva ta’ 17-il logħba mingħajr telfa wara li fallew sitt punti fi tliet draws meta rritornaw għar-rebħ billi għelbu lil Sliema Wanderers 1-0 bil-goal jasal kmieni fl-20 minuta minn Jurgen Degabriele.

Il-Pawlisti baqgħu jżommu l-erba’ punti vantaġġ fuq it-team ta’ warajhom, Floriana, li min-naħa tagħ­hom kisbu tliet punti bil-ħniena, iżda prezzjużi, bil-goal tar-rebħa tagħhom jasal żewġ minuti mit-   tmiem.

Min-naħa tal-Wanderers huma ma rnexxielhomx jagħmluhom tliet reb­ħiet wara xulxin biex jiftħu xaqq ta’ dawl fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegaz­zjoni.

Huma kienu ġejjin minn żewġ rebħiet ta’ 1-0 kontra Balzan u Sirens li għalihom kienu l-ewwel u l-uni­ċi żewġ logħbiet li rebħu s’issa dan l-istaġun.

U biex tkompli tiġihom ħażina Mosta kisbu tliet punti oħra biex issa qed jgħaddu lill-Wanderers bi tmien punti meta fadal 10 logħbiet oħra għat-tmiem.

Floriana komplew isegwu mill-viċin lit-team ta’ Raħal il-Ġdid meta fil-100 logħba tal-kampjonat huma għelbu lil Balzan 2-1 biex tawlu s-sensiela ta’ bla telf għal seba’ logħbiet. Huma jinsabu attenti għal xi żelqa min-naħa ta’ Hibernians u għaldaqstant il-konfront ta’ bejniethom għandu jkun ferm mistenni.

Kienu l-Greens li fetħu l-iskor minn Christian Rut­jens fit-32 minuta biex daħlu jistrieħu goal minn fuq sakemm fis-67 minuta Balzan kisbu d-draw minn Uros Ljubomirac.

Bil-ħin għaddej ġmielu u l-logħba dehret li se tintemm fi draw, fid-89 minuta l-Furjaniżi kisbu dak li kellu jkun l-goal tar-rebħa meta minn azzjoni ta’ corner kien is-sostitut Owen Spiteri li sammar il-ballun fix-xibka b’daqqa ta’ ras.

Din it-telfa kienet ir-raba’ waħda li sofrew fl-aħħar ħames logħbiet il-Balzanin u mill-oħra ħadu punt biss mid-draw 2-2 kontra Hamrun Spartans, jiġifieri minn 15-il punt marru lura lejn darhom b’wieħed biss.

Dan qed jintwera fil- klassifika meta l-aspiranti li jispiċċaw fl-ewwel sitta biex ikunu fiċ-Championship Pool, issa niżlu fit-tmien post erba’ punti taħt Gzira United li jinsabu fis-sitt post.

Hamrun Spartans kienu għaddejjin fuq sensiela ta’ seba’ logħbiet bla telfa li minnhom kienu ħadu 15-il punti minn 21 possibbli. Iżda t-telfa ta’ 4-1 li sofrew kontra Gzira United kienet waħda mhux mistennija meta l-Maroons kienu jin­sabu sitt punti warajhom fil-klassifika li issa niżlu għal tlieta.

U biex wieħed jara kemm it-telfa kienet waħda xokkanti kienu l-Ispartans li fetħu l-iskor minn Franklin Sasere fid-49 minuta.

Iżda tliet minuti wara beda x-xokk tal-Ispartans meta l-attakkant Brażiljan, Jefferson de Assis, skorja hat-trick fi spazju ta’ seba’ minuti, eżattament fit-52, fl-54 u fid-59 minuta biex prattikament għalaq il-logħba li ġiet issiġillata żewġ minuti mit-tmiem mill-Brażiljan l- ieħor, Maxuell Maia li issa tela’ fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers.

B’hekk bil-hat-trick li kiseb Jefferson sar it-tieni player wara Mario Fontanella ta’ Valletta, li ħa l-ballun tal-logħba lejn id-dar.

Minkejja l-aspettattivi ta’ qabel l-istaġun, il-Uni­ted ma kienux għaddejjin minn żmien feliċi meta mill-aħħar ħames logħbiet ħadu rebħa u żewġ draws jiġifieri ħames punti minn 15 għad-dispożizzjoni tagħ­hom.

L-istaġun xejn feliċi ta’ Valletta għadu sejjer minkejja li fuq il-bankina kellhom jagħmel it-tieni debutt tiegħu fil-kariga lill-ex player tagħhom, Da­nilo Doncic. Iżda s-Serb mill-ewwel safa diżappuntat meta Sirens għelbuhom 2-1 biex issa dawn telgħu fil-ħames post erba’ punti fuq l-istess Valletta.

Iżda min-naħa tagħhom it-team minn San Pawl il-Baħar, irkupraw mit-telfa kontra Sliema Wanderers meta qabel din il-logħba kienu ħadu żewġ rebħiet u żewġ draws li għenuhom mhux ftit biex ikunu fejn jinsabu bħalissa fil-klassifika.

Intant kienu Valletta li marru fil-vantaġġ kmieni fil-5 minuta meta Ivan Curjuric li għeleb lill-goalkeeper Jonathan Debono bi ġmiel ta’ free-kick minn barra l-kaxxa.

L-eroj tal-Pawlini ma kien ħadd għajr il-Brażiljan Vitor Vieira, li dawrilhom telfa f’rebħa meta skorjalhom iż-żewġ goals li bihom ħarġu rebbieħa, sa nofs l-ewwel taqsima, eżattament fit-12 u fit-23 minuti.

Mosta kisbu rebħa ferm prezzjuża u importanti m­eta għelbu lil Sta Lucia 1-0 biex issa, minkejja li għadhom fil-periklu tar-re­legazzjoni, jinsabu b’vantaġġ ta’ sitt punti fuq l-is­tess Luċjani u tmienja fuq Sliema.

Il-goal tar-rebħa wasal fis-36 minuta minn Sunday Akinbule li għalih kien is-sitt wieħed tal-istaġun.

Ta’ min jgħid li l-aħħar żewġ timijiet jiġu relegati awtomatikament waqt li t-tielet mill-aħħar jilgħab play-off kontra t-team li jtemm fit-tielet post fiċ- Challenge League.

Il-programm ta’ tmiem il-ġimgħa li ġejja se jlaqqa’ lil Hibernians kontra Valletta f’logħba ferm mistennija bi Floriana jiltaqgħu kontra Mosta għal skopijiet differenti b’dik li tgħaqqad l-programm tas-Sibt tkun bejn Balzan u Gzira.

Imbagħad il-Ħadd, Hamrun Spartans jibdew il-programm kontra Gudja United segwiti minn dik bejn l-aħħar żewġ timijiet fil- klassifika, Sliema Wanderers u Sta Lucia, fejn reb­ħa għal wieħed minnhom tkun tfisser mitqlu deheb waqt li l-ġurnata tagħlaq bil-logħba bejn it-tielet u l-ħames fejn Birkirkara qed igawdu vantaġġ ta’ ħames punti fuq Sirens.

F’din is-17-il ġurnata tal-istaġun, it-total ta’ goals tela’ għal 14 wara li fis-16-il ġurnata kien ta’ 15-il goal. Dawn il-goals ġew 2 minn players Maltin u 12 mill-barranin.

Sport