Sunday, November 24, 2024

SKRUTINJU AKBAR FL-GĦOTI TAL-GĦAJNUNA SOĊJALI

Aqra wkoll

Dan l-aħħar f’pajjiżna tqanqlet kontroversja oħra dwar l-allegat abbuż mill-fondi li qegħdin hemm biex jgħinu jtaffu t-tbatijiet ta’ persuni b’diżabilita severa. Nistqarru minnufih u mingħajr ebda ekwivoku li aħna nikkundannaw kull forma ta’ abbuż isir meta jsir u jagħmlu min jagħmlu. Kull munita fiha żewġ uċuħ u ħadd ma jista, jew għandu dritt jikkundanna wiċċ wieħed meta l-wiċċ l-ieħor hu ħażin ukoll.

Nemmnu li l-Partit Nazzjonalista għax m’għandux argumenti politiċi jew viżjoni biex jikkonvinċi lill-poplu jtih il-fiduċja biex imexxi l-pajjiżna, nefaħ bil-kbir u kompla jonfoħ barra kull proporzjon dawn l-allegazzjoni meta jaf bil-fatti li l-Gvern stess ħa passi minnufih u ressaq quddiem il-pulizija dawn l-allegazzjonijiet appena sar jaf bihom.

Dan biex ma nsemmux ukoll li kien dan il-Gvern li daħħal mekkaniżmi biex jiġġieldu kull abbuż li jista jkun hemm tant li matul dawn l-aħħar għaxar snin il-persuni li jgħixu bl-għajnuna soċjali naqsu drastikament. M’aħniex ngħidu b’daqshekk illi min jirċievi xi forma ta’ għajnuna soċjali qed jagħmel hekk b’abbuż, xejn minn dan, imma ma neskludux li seta kien hemm minn dawn.

L-imgħoddi jfakkarna fi żmien meta taħt gvern nazzjonalista kien hemm ħaddiema taċ-Ċivil li fl-aħjar ta’ saħħithom kienu allegatament ġew ‘boarded-out’ u bdew jingħataw l-għajnuna soċjali. Dan mhux abbuż ukoll kien? Biex insemmu każ wieħed biss ta’ kif kienu jsiru l-abbużi fi żminijiet oħra. Dan apparti li minn kif ġie rrapportat fuq ġurnal lokali, fi żmien amministrazzjoni nazzjonalista kważi rduppjaw dawk li kienu qed jiddependu fuq il-benefiċċji. Xorta nsostnu iżda li żewġ affarijiet ħżiena ma jagħmlux ħaġa waħda tajba.

Illum, it-toqob li seta kien hemm fl-għoti tas-servizzi soċjali qed jingħalqu kif se jkomplu jingħalqu bil-Bord li għadu kif ħatar il-Gvern li se jwassal għal skrutinju aktar rigoruż ta’ min għandu jew m’għandux jibbenefika mill-għajnuna soċjali. 

L-argument tal-Partit Nazzjonalista li l-flus involuti fl-allegati abbużi insterqu minn ħalq dawk li verament għandhom bżonn huwa fallaċi għal kollox. Il-Gvern diġa ta l-assigurazzjoni illi dawk li ġenwinament qed jieħdu xi għajnuna soċjali, il-benefiċċju għad-diżabilita tagħhom mhux se jitnaqqsilhom anzi se jkomplu jieħduh sħiħ.

Filwaqt ntennu li aħna mhux biss kontra imma nikkundannaw kull abbuż li jsir minn flus il-poplu, għalhekk ninsistu biex l-awtoritajiet konċernati jagħmlu dak kollu possibbli u jieħdu kull miżura biex kull nitfa ta’ abbuż tiġi mrażżna. Konvinti li hekk se jsir imma biex isir dan, mhux protesti partiġġjani hemm bżonn imma koperazzjoni u kulmin jaf b’xi abbuż jersaq il-quddiem u jirraporta l-każ.

Nemmnu wkoll li kull każ għandu jiġi nvestigat irrispettivament jekk hux abbuż mis-servizzi soċjali jew xort’oħra, inkluz dawk li jitħallsu ta’ ġranet ta’ xogħol li ma jkunux ħadmu u lanqas biss ikunu resqu lejn il-post tax-xogħol tagħhom.

B’hekk biss nemmnu li tkun qed issir ġustizzja ma min jittanta jabbuża u fuq kollox mal-poplu li bit-taxxi li jħallas qed isostni parti mill-ġid kollu li jinħoloq f’dan il-pajjiż.

Sport