Saturday, December 14, 2024

SKS se tippubblika għall-ewwel darba “Ħrejjef Ispirati mix-Xitan” ta’ Ġużè Ellul Mercer

Aqra wkoll

Id-Dar tal-Pubblikazzjoni SKS se tippubblika għall-ewwel darba dawn it-tliet ħrejjef li Ġużè Ellul Mercer, laħaq ippubblika f’Il Hmar fuq medda ta’ 38 ġurnata fl-1928: Il-mara tal-galbu, Sirena u Bniedem.

Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’ huma wieħed mill-ewwel xogħlijiet ta’ Ġużè Ellul Mercer, żagħżugħ ta’ 31 sena, kif qatt ma qrajnieh u kif qajla nikkonċepuh. Ġużè Ellul Mercer jgħid li huwa x-xitan li jispira Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’.

Bħalma jagħmlu spiss il-kittieba f’soċjetajiet repressivi biex jitħallew jgħidu xi ħaġa minn dak li jridu jgħidu, jużaw l-umoriżmu u l-ironija. Ix-xitan tiegħu mhux ix-xitan feroċi li ħadha kontra Alla u jagħmel li jista’ biex ikaxkar kemm jiflaħ nies lejn l-infern. Huwa xitan żgħir ħafna, ma fihx minn xiex tibża’: anzi jġiblek ħniena, mhux giddieb, immankat minn sieq waħda u bil-ġwienaħ mherrija. Huwa xitan mans u Ellul Mercer jagħtina x’nifhmu li jidentifika miegħu.

Fl-20 ta’ Ottubru 1928 Ellul Mercer beda jippubblika għadd ta’ ‘ħrejjef ta’ Barraminnhaw’ fil-ġurnal Il Hmar. Fit-8 ta’ Diċembru 1928 toħroġ l-aħħar silta ta’ dawn il-ħrejjef u fi tmiemha Ellul Mercer iwiegħed li l-ħrejjef se jissoktaw.

Imma dik hi l-aħħar darba li jxandar xi ħrafa ta’ Barraminnhaw’. Tlett ijiem wara, fil-11 ta’ Diċembru 1928, ħarġet ċirkulari mill-Kurja tal-Isqof ta’ Malta tikkundanna dawn ‘il-ħrejjef’ bl-Isqof Mawru Caruana jiddikjara li kien dnub mejjet li wieħed jistampa, ibigħ, jaqra u jżomm għandu l-ġurnal Il Hmar. Eventwalment Ellul Mercer kien indifen fil-Miżbla meta miet 33 sena wara waqt il-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-snin sittin fit-22 ta’ Settembru 1961.
Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’  għandu daħla ta’ Mark Vella (In-nisi u l-ħabi: storja ta’ ċensura:Sfond storiko-letterarju għal Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’). Jinkludi wkoll analiżi letterarja ta’ dawn il-ħrejjef minn Evarist Bartolo (Ġużè Ellul Mercer: il-kittieb u l-politiku radikali moderat).

U artiklu ta’ Immanuel Mifsud (Il-Ħarsa tax-Xitan: l-istejjer strambi ta’ Ġużè Ellul Mercer). Il-ktieb se jkun għall-bejgħ mil-librara ewlenin għall-prezz ta’ €15. Se jinbigħ bil-pre-publication price ta’ €10 mill-Istand tal- SKS fil-Manifestazzjoni tal-Ewwel ta’ Mejju tal-Partit Laburista.

Ekonomija

Sport