Sliema Aquatics Sports jinsab f’luttu wara li nhar il-Ħadd tħabbret il-mewt tal-eks kowċ tal-klabb tal-waterpolo Beto Fernandez.
Fernandez ħalla l-kariga tiegħu ta’ kowċ ta’ Sliema ASC f’April minħabba raġunijiet personali u l-klabb kien ħabbar li Fernandez kellu jirritorna pajjiżu Spanja għal perjodu estiż ta’ leave.
“Huwa b’dieqa kbira li l-klabb irid iħabbar il-mewt tal-maħbub tagħna Beto Fernandez. Il-kwalitajiet tar-raġel u tal-kowċ huma magħrufa minn kulħadd. Il-ħsibijiet u t-talb tagħna huma mal-familja tiegħu, li nitolbukom tirrispettaw fi żmien daqshekk diffiċli,” qalu Sliema ASC fi stqarrija nhar il-Ħadd.
“Coach Strieh fil-Paci!”.
Minn dakinhar il-Blues kienu ħatru lill-kowċ Dejan Savic bħala s-sostitut tiegħu u s-Serb bħalissa qed imexxi t-tim fil-Kampjonat Nazzjonali BOV tas-sajf.