Minn Cristian Muscat
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Sliema ASC matul l-aħħar edizzjoni tal-President’s Cup?
L-għan ta’ Sliema dejjem kien li nikkompetu biex nirbħu kull tazza possibbli. Għalkemm ċerti prestazzjonijiet ma kinux kif xtaqna, l-istaġun tas-sajf għadu fil-bidu tiegħu. Għandi fiduċja kbira fil-coaches u l-plejers tagħna, u nemmen li l-aqwa forma ta’ Sliema għad irridu narawha fil-mumenti kruċjali tal-istaġun.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
B’mod naturali. Kont ninżel is-Sliema Pitch mal-familja tiegħi u bħal ħafna tfal f’dawk iż-żminijiet, kont nilgħab waterpolo għal gost. Ħajruni biex nibda bħala goalkeeper, u bdejt nilgħab ta’ 11-il sena. It-tfulija kollha għamiltuha fil-pitch, u llum nista’ ngħid li l-maġġoranza tal-ħbieb tiegħi b’xi mod jew ieħor huma marbuta ma’ dan l-isport.
X’kienu l-esperjenzi u l-unuri li rbaħt bħala goalkeeper ma’ Sliema, Marsaxlokk u San Ġiljan?
Dħalt mal-iskwadra tal-kbar ta’ Sliema ta’ 16-il sena fi 2003 fejn minn dak iż-żmien irbaħt kollox. Għext żewġ perjodi differenti — b’mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli fejn ilhaqt żmien ta’ tranżizzjoni għall-klabb wara snin ta’ suċċessi, u għalkemm xorta rbaħna xi titli ma kienx biżżejjed għall-klabb bħas-Sliema, iżda għalija personalment kien żmien importanti għax kbirt u tgħallimt ħafna. Għamilt iżjed minn 20 sena nilgħab ma’ Sliema li żgur ma ninsa qatt!
Kelli wkoll esperjenza ma’ Marsaxlokk fejn irbaħna kollox, inkluż promozzjoni storika għall-Kampjonat Premier. Kienet esperjenza sabiħa u b’inqas pressjoni minn dik ta’ Sliema. Kelli wkoll esperjenza qasira ma’ San Ġiljan li waslet b’sorpriża, peressli kont diġà ddeċidejt li nieqaf nilgħab — irnexxielna nirbħu n-Knock-Out.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Sports Director ta’ Sliema ASC.
Ir-rwol tiegħi huwa wiesa’ ħafna. Jien responsabbli għall-aspetti sportivi kollha tal-klabb. Matul dawn l-aħħar sentejn iffukajna fuq l-iskwadra tal-irġiel u saru investimenti importanti biex intejbu fuq dak li kien hemm. Bħalissa qed inġeddu l-istruttura tas-swimming u l-akkademji — li huma l-qalba tal-klabb tagħna.
Irridu nifhmu li r-riżultati sportivi huma biss parti minn dak li jagħmel klabb bħal Sliema. Dan mhux biss klabb sportiv, iżda wkoll komunità. Għalhekk huwa importanti li kollox isir sew u b’serjeta. Hemm ħafna xogħol amministrattiv u ta’ ppjanar — u grazzi għall-kollaborazzjoni mal-membri tal-kumitat, kif ukoll tal-President qed inħarsu lejn futur bi pjanijiet importanti, anke jekk bir-riżorsi limitati li joffri l-isport Malti.
Kemm hu differenti dan ir-rwol minn dak ta’ plejer?
Huwa kompletament differenti. Ir-responsabbiltà hija ħafna akbar, għax id-deċiżjonijiet tiegħek jolqtu ħafna nies. Trid taħseb fit-tul, tipproġetta u tippjana, filwaqt li bħala plejer kienet tħares aktar lejk innifsek u lejn il-prestazzjoni tiegħek. Kultant trid tieħu deċiżjonijiet diffiċli, mhux mill-aspett emozzjonali imma għal ġid il-klabb. Dawn mhumiex deċiżjonijiet personali — huma deċiżjonijiet sportivi, u rridu jitieħdu b’sens ta’ dover lejn il-club.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-Kampjonat tas-Sajf?
It-tragward ewlieni tagħna għal dan l-istaġun huwa dak huwa li niddefendu t-titli tal-Kampjonat u tan-Knock-Out mirbuħa s-sena l-oħra. Il-plejers tagħna kważi ma waqfux jaħdmu mill-istaġun li għadda, speċjalment minħabba l-parteċipazzjoni fiċ-Challenger Cup. Dawn l-esperjenzi jsaħħu lit-tim żagħżugħ tagħna. Ovvjament hemm timijiet oħra b’saħħithom, u nistennew kampjonat intens u kompetittiv — nittamaw ukoll li jgħaddi mingħajr problemi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Il-waterpolo dejjem kien parti kbira minn ħajti, u għalkemm jeħodli ħafna ħin, għandi motivazzjoni kbira li nkompli. Hemm ħafna pjanijiet, speċjalment biex intejbu l-akkademja tal-waterpolo u tas-swimming. Sakemm il-klabb ikun iridni u ir-rieda tal-klabb ija dik li nkomplu ntejbu u nikbru, jiena lest inkompli nagħti sehem tiegħi. L-ewwel u qabel kollox jien partitarju ta’ Sliema ASC. Dan il-klabb ifisser ħafna għalija u issa huwa ż-żmien li nagħti lura minn dak li ħadt. Naturalment, din hija deċiżjoni li tinvolvi wkoll lill-familja u l-obbligi tax-xogħol personali tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil dawk kollha li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Nemmen li kull tifel u tifla għandu jkun involut f’xi forma ta’ sport. Sports tat-tim jgħinek timmatura u tifhem aħjar kif taħdem f’tim — xi ħaġa li sservik f’ħafna sitwazzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum.
L-isport irid jittieħed b’dixxiplina u serjetà, iżda rridu noqogħdu attenti wkoll milli neħlu fi pressjoni żejda speċjalment fuq iż-żgħar u pika bla bżonn. Il-waterpolo f’Malta qed jikber, qed isiru ħafna investimenti u qed naraw ir-riżultati. Waterpolo minkejja li huwa sport difficli, irodduk b’sodisfazzjon kbir u jagħtik ħafna lura kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell ta’ komunità.