Saturday, December 21, 2024

Sliema Wanderers ikeċċu lill-coach Andrea Pisanu

Aqra wkoll

Sliema Wanderers keċċew lill-coach Andrea Pisanu.

L-ex midfielder ta’ Parma u Cagliari kien ilu fit-tmun tal-Wanderers mill-bidu tal-istaġun li għadda iżda dan l-istaġun it-team tħabat għar-riżultati u qed jiffaċċja l-prospett ta’ ġlieda iebsa għar-relegazzjoni.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Wanderers kisbu biss draw ta’ mingħajr goals kontra team ieħor li qed jitħabat għar-relegazzjoni Santa Luċija, riżultat li ħalla lill-Wanderers fl-aħħar post tal-klassifika bi 11-il punt, tnejn ‘il bogħod mis-Saints u sebgħa taħt it-tielet team mill-qiegħ, Mosta.

Ir-riżultat ta’ tmiem il-ġimgħa fost oħrajn wassal lill-ġerekija tal-Wanderers biex tagħmel bidla fil-coach u nfurmat lil Pisanu bid-deċiżjoni tagħha li jneħħuħ mid-dmirijiet tiegħu.

Il-Wanderers diġà bdew it-tfittxija tagħhom għall-coach ġdid u bħalissa t-team qed jitmexxa mill-assistant coach Noel Turner.

Sliema Wanderers huma t-tieni club tal-Premier li neħħew lill-coach tagħhom matul din il-ġimgħa wara li ċ-champions Ħamrun Spartans laħqu ftehim biex ineħħu lil Mark Buttigieg minn coach.

B’effett ta’ dan, Branko Nisevic, inħatar bħala l-coach il-ġdid tal-Ispartans nhar it-Tlieta.

Ekonomija

Sport