Thursday, September 19, 2024

Sliema Wanderers jibqgħu jittamaw

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema Wanderers ……1

Mosta ……………….…….0

Sliema Wanderers għelbu lil Mosta bl-iskor mi­nimu ta’ 1-0 f’partita li iżda fiha xejn ma mpressjonawx,  tant, li kieku Mosta ħarġu bi draw jew anke bil-punti massimi żgur li ma kienu jisirqu xejn.

Dan meta wieħed jikkunsidra l-fatt ta’ kemm ħolqu ċansijiet perikolużi Mosta matul il-partita kuntrarju għall-Wanderers li ħolqu biss azzjoni waħda denja ta’ nota li wasslet għall-uniku goal.

B’hekk, permezz ta’ din ir-rebħa, Sliema, baqgħu jit­tamaw li jżommu post­hom fl-ogħla diviżjoni għal­kemm fil-veritá se tkun diffiċli għalihom.

Kien biss fis-16-il minuta li waslet l-ewwel az­zjoni denja ta’ nota b’Mosta jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Sunday Akin­bule kellu xutt angolat fil-baxx li għadda ftit barra.

Huma komplew fuq l-offensiva u fit-23 minuta free-kick tal-istess Sunday Akinbule rriżulta bħala wieħed ċentrali u ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper Rashed Al-Tumi.

Minuta biss wara, il- Mostin resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Geoffrey Achempong ittanta xortih bit-takkuna minn taħt il- lasti iżda sab lil Mark Scerri jsalva fil-ħin minn fuq il-linja fatali.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta ħarġu aktar avventurużi u fl-54 minuta, Acheampong venven xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li ħareg l-aħjar tal-goalkeeper Al-Tumi li dawwar f’corner bi bravura.

Iżda, fis-57 minuta, kontra x-xejra tal-logħob kienu l-Wanderers li fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn cross mil-lemin, MATTEO PICIOLLO kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka.

Mosta wieġbu fit-62 minuta permezz ta’ cross-shot fil-baxx ta’ William Donkin li iżda ġie salvat minn mal-art f’żewġ tentattivi minn Al-Tumi.

Huma komplew jippressaw bit-tama li jġibu l-iskor indaqs u fil-65 minuta, Acheampong kellu xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa jiġi salvat b’ċerta abbiltá minn Al-Tumi.

Fid-90 minuta, Michael Mifsud qabeż avversarju u għadda lejn Sunday Akinbule iżda mill-viċin ra lil Al Tumi jsalva b’siequ biex Mosta fallew ċans ieħor.

SLIEMA W.:  22-Rashed Al-Tumi, 3-Juan Pablo Morales Rengifo (88-Dejan Vukovic 86), 4-Raffaele Schiavi, 8-Mark Scerri, 18-Edmond Agius, 19-Jake Engerer (91-Martin Davis 88), 23-Matteo Piciollo (6-Gabriel Aquilina 93), 29-Oscar Linton Bethancourt, 61-Myles Beerman, 72-Jean Carlos Cloth Goncalves, 99-Valmir Berisha   – Coach: Noel Turner

Mosta: 12-Ini Etim Akpan, 6-Roderick Briffa (9-Michael Mifsud 85), 7-William Donkin (33-Dennis Agyare Antwi 63), 8-Christ Ememe, 11-Geoffrey Edwin Acheampong, 13-Clayton Failla, 20-Boubakary Diarra, 22-Tyrone Farrugia (19-Johann Bezzina 65), 34-Rafael Morisco, 88-Sunday Akinbule, 98-Rodriguez Ekani   – Coach: Joseph Grech

REFEREE: Glen Tonna

ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Thomas Debono

RABA’ UFF: Alex Johnson

SKORER: M. Piciollo 57 (SW)

AMMONITI: M. Scerri, O. Linton Bethancourt, J. C. Cloth Goncalves, R. Al-Tumi (S), G. E. Acheampong, J. Bezzina (M)

Sport