Sunday, December 28, 2025

Slovakk ma jinstabx ħati li darab żewġ turisti f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Ronald Jakub Frysiak, Slovakk ta’ 40 sena, residenti s-Siġġiewi ġie illiberat mill-akkuża li darab żewġ turisti Franiżi f’San Ġiljan. Dan il-każ kien seħħ fis-16 ta’ Ġunju tal-2022 fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan.

Is-Supretendent Saviour Baldacchino spjega fil-Qorti li l-Pulizija kienu ġew mitluba jassistu żewġ persuni li kienu mitluqin fl-art b’demm ħiereġ minn rashom. Fix-xhieda tiegħu qal li kellhom informazzjoni li r-raġel li kien involut f’argument mal-persuni kien jinsab f’ħanut fil-qrib u ġie arrestat hemm stess.

Wieħed mill-allegat vittmi meta kien qiegħed jixhed fil-Qorti qal li hu kien flimkien ma’ sieħbu jixorbu u wara marru biex jiltaqgħu man-nisa tagħhom qrib lukanda li hemm f’San Ġiljan.Xehed li ma jiftakar xejn aktar għajr li sab ruħu l-isptar. Huwa ma rnexxilux jidentifika lill-aggressur. Ir-raġel ġarrab ferita f’wiċċu.

Min-naħa tagħha s-sieħba tal-imputat xehdet li hi u l-akkużat kienu qrib ħanut meta rat raġel mal-art. Spjegat li beda imorru n-nies fuqu u raġel ieħor li hu allegat it-tieni vittma, ipprova jgħin lir-raġel iżda kien aggressiv.

Xehdet li kienet hi li ċempelt għall-ambulanza waqt li t-tieni allegat vittma talabha tazza ilma. Kompliet tgħid li dan kissierha fuq l-allegat vittma l-ieħor. Qalet li l-imputat beda jgħidlu biex iħallih bi kwietu u ma jċaqalqux iżda dan ir-raġel ta daqqa ta’ ponn lil Frysiak

Min-naħa tiegħu l-imputat għażel li ma jixhidx fil-Qorti, iżda mal-Pulizija kien qal li l-allegati vittmi kienu xurbana u li kien hu li ddefenda ruħu minn wieħed minnhom.

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia fis-sentenza tagħha osservat li minkejja li kien hemm diversi persuni li raw dan kollu jseħħ, il-Prosekuzzjoni ma ressqitx xhud wieħed biss minnhom. Osservat li lanqas kien hemm filmati tas-sigurtà li setgħu tefgħu aktar dawl dwar kif seħħ dan l-argument. 

Qalet li l-każ qed jistrieħ biss fuq xhieda ta’ wieħed mill-allegati vittmi, li ma ddentifikax min kien darbu u lanqas jiftakar dettalji importanti dwar il-każ. Osservat li l-allegat vittma ammetta mal-Pulizija li kien xorob u għalhekk dan jitfa’ dubju fuq il-kredibbiltà tax-xhieda tiegħu. 

Aktar minn hekk it-tieni allegat vittma ma xehedx.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li kienet qiegħda temmen x-xhieda tas-sieħba tal-imputat u anke l-istqarrija li kien ta’ l-istess imputat lill-pulizija. Qalet li ma kienx hemm rabta bejn l-akkużat u l-feriti li ġarrbu l-allegati vittmi u sostniet li l-prosekuzzjoni ma pprovatx il-każ. Għaldaqstant, il-Qorti, ħelset lill-akkużat.

Għall-akkużat dehret l-Avukat Roberta Bonello Felice. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Darryl Farr.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport