Friday, November 22, 2024

“Smajna ħafna għajjat u ndunajna li kien hemm bżonn l-għajnuna”

... Jixhdu missier u iben dwar l-inċident li fih miet Ben Laferla

Aqra wkoll

Hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kotra Maxime Asacha Muehlematter ta’ 21 sena li jinsab mixli bil-qtil involontarju ta’ Ben Laferla u li kkaġuni grieħi gravi fuq tfalja li kienet passiġġiera, xehdu missier u iben li f’Settembru li għadda nzertaw għaddejjin mis-Swieqi ftit tal-ħin wara li karozza tal-kiri daħlet f’ħajt.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech xehed raġel residenti il-Madliena fejn qal li dakinhar hu kien qiegħed isuq fi Triq il-Madliena u li fl-istess karozza miegħu kien hemm martu, ibnu u żewġ Ingliżi.

Fix-xhieda tiegħu huwa qal li x’ħin kien qiegħed isuq sema’ għajjat kbir u li meta niżel sab bumper ta’ karozza fit-triq. Huwa żied jgħid li ċempel immedjatament għal ambulanza, iżda ġie mgħarraf li t-tobba tal-emerġenza kienu diġà fi triqithom.

Ix-xhud kompla jixhed li l-akkużat, Mixime Asacha Muehlematter kien qiegħed isofri minn xokk kbir, tant li ma nissel l-ebda kelma. Min-naħa l-oħra, tfajla li kienet passiġġiera fl-istess karozza kienet qiegħda tgħajjat u kien hawnhekk fejn l-istess xhud irrimarka li qaltlu; “tħalluhx imut lil Ben”. L-istess xhud qal li ipprova jagħmel CPR fuq Ben iżda kien kollu ta’ xejn.

Min-naħa tiegħu, iben ix-xhud irrimarka li kien jaf kemm lill-vittma kif ukoll lill-akkużat minħabba li kienu ltaqgħu f’bar diversi snin ilu u anke kellhom diversi konverżazzjonjiet flimkien permezz tal-midja soċjali. Huwa żied jgħid li dakinhar tal-inċident ra lil xi ħadd li kien joqgħod fl-inħawi li ntefa’ mal-ġenb tat-triq b’torċ f’idu.

Sport