Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-Erbgħa kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Benjamin Chetcuti, li jinsab mixli bil-qtil involontarju ta’ Mildred Azzopardi f’inċident tat-traffiku f’Lulju ta’ din is-sena.
Fost ix-xhieda li kien hemm preżenti, xehed Clint Axisa, li qal li fil-ħin tal-inċident kien qiegħed jgħum fil-Belt flimkien mal-familjari tiegħu. Huwa spjega li sema’ “vettura għaddejja b’veloċità straordinarja” u l din kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn Qanpiena tal-Belt.
Qal li ra ħafna nies f’daqqa jiġru lejn it-terminal tal-fast ferry u li kien hemm persuna fl-art u li xi ħadd beda jagħtiha s-CPR. Spjega li kien hu li għamel telfeonata lil Transport Malta u li fit-telefonata qalilhom “għandna red code”.
Fix-xhieda tiegħu, Axisa żied jgħid li ra persuna maqbuda ġo karozza u li meta avviċinah, dan qallu li kellu saqajh qed iħosshom imwaħħlin u li xtaq ikellem lil mara. Xehed li t-tobba tal-emerġenza ddikjaraw lil vittma, Mildred Azzopardi mejta fuq il-post.
Meta x-xhud kien mistoqsi dwar l-imġieba tal-akkużat, dan qal li ż-żagħżugħ deher iddispjaċut u li f’ħin minnhom xtaq jgħin biex isalva lill-persuna li kienet fl-art.
Quddiem il-Maġistrat Frendo Dimech xehed ukoll is-Surġent Jan Saliba, li dakinhar tal-każ kien stazzjonat ġewwa l-Għassa tal-Belt. Fix-xhieda tiegħu, is-Surġent Saliba spjega kif l-akkużat kien fi stat ta’ xokk u indika lill-Pulizija li l-karozza li ħabtet kienet qed tinstaq minnu.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukat Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mis-Supretendent tal-Pulizija Nicholas Vella.
L-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru għall-akkużat. L-Avukati Peter Fenech u Luigi Fenech qed jidhru għall-familja Azzopardi.