Saturday, December 21, 2024

Snooker: Bidu tajjeb għal Trump u Selby fil-European Masters

Aqra wkoll

Meta l-bieraħ ingħata bidu għall-European Masters fil-Marshall Arena, Milton Keynes, iż-żewġ players stilel, Judd Trump u Mark Selby, kienu nvoluti f’reb­ħiet stupendi kontra Michael Judge u Matthew Selt rispettivament.

Trump warrab għal kollox lil Judge meta għelbu b’whitewash, 5-0, fejn għamel breaks rebbieħa ta’ 66, 93, 53 u 129 fl-aħħar erba’ frames waqt li min-naħa tal-Irlandiż Judge għamel 54 punti biss fil-logħba kollha.

Min-naħa tiegħu Selby għeleb lil Selt 5-3 wara li sal-mistrieħ l-iskor kien 2-2 fejn Selt beda bi break ta’ 113, li kien l-uniku wieħed tiegħu fil-logħba kollha.

Iżda Selby offra logħba ta’ kwalita’ li fiha pproduċa break rebbieħ f’kull frame li rebaħ li kienu ta’ 70, 79, 69, 128 u 58.

Yan Bingtao kien tajjeb ħafna meta ltaqa’ mal-kompatrijott Ċiniż tiegħu, Li Hang, u għelbu bl-iskor ta’ 5-1 fejn kien dan li rebaħ l-ewwel frame bi break ta’ 83 iżda fil-ħames frames ta’ wara għamel 18-il punt biss u Yan rebaħhom kollha fejn inkluda breaks ta’ 69, 52, 69.

F’logħbiet oħra l-veteran Graeme Dott għeleb lill-veteran l-ieħor fl-unika logħba li marret sal-aħħar, 5-4, waqt li Xiao Guedong għeleb lil Andy Hicks 5-2, Luca Brecel lil Gary Wilson 5-3, Zhao Yulong lil Gao Yang 5-1, Sunny Akani lil Jackson Page 5-3, Ryan Day lil Jamie O’Neill 5-1, Joe Perry lil Cao Yupeng 5-2 u Fan Zhengyi lil Aaron Hill 5-3.

Ekonomija

Sport