Saturday, December 21, 2024

Snooker Ewropew: Frans Mintoff jikkwalifika mal-aħħar 45

Aqra wkoll

Fit-tielet ġurnata tal-Kampjonat Ewropew Indiviwali tal-Masters tal-Irġiel tas-Snooker li qed isiru f’Albufiera, l-Portugal, ingħalqet il-fażi tal-gruppi fejn flimkien ma Philip Ciantar u Alex Borg, Frans Mintoff ikkwalifika għal fażi tan-knock out. Is-Sibt huwa kellu kellu ġurnata formidabbli u r-rebaħ iż-żewġ logħbiet tiegħu 3-0.

L-avversarji ta’ Frans Mintoff kienu Saulius Pajarskas tal-Litwanja u l-Awstijak, Thomas Grendelmeier. Wara nofs in-nhar, kontra Pajarskas, Mintoff rebaħ bil-punteggi ta’ 69-42, 57-7, 84-16 u tard filgħaxija kontra l-Awstijak, it-tliet frames rebaħhom, 51-49, 61-1, 63-14.

Fis-sessjoni ta’ wara nofs in-nhar, Alex Borg tilef kontra l-Iskoċċiż, Gary Thomson, 3-1. Dan kien konfront dirett għal min jirbaħ Grupp J.

David Zammit u Ivan Attard għalkemm ma ikkwalifikawx, fl-aħħar ġurnata tal-gruppi rebħu logħba mit-tnejn li lagħbu. David Zammit wara nofs in-nhar rebaħ, 3-1, kontra l-Pollakk, Tomasz Leśniak 57-61, 55-21, 56-10, 54-17 filwaqt li filgħaxija ma kellu l-ebda risposta għal avversarju tiegħu, il-Fillandiż, Jukka Haapakoski u tilef 3-0.

Ivan Attard fl-ewwel partita tilef kontra l-Ingliż, Steve Crowley 3-1 filwaqt li aktar tard rebaħ kontra l-Franċiż, Marc Chouillier, 3-1, bil-punteġġi tal-frames ikunu, 31-34, 51-40, 49-33, 54-28. B’hekk kull player Malti rrnexxielu jirbaħ tal-anqas logħba waħda matul din il-fażi. B’kollox is-sitt players Maltin lagħbu 21 logħba u rebħu għaxra.

Tard bil-lejl, is-Segretarju Ġenerali tal-European Billiards & Snooker Association, Simon Smith, ħabbar kif ser tkompli l-fażi tan-knock out fejn qal ukoll li l-Malti, Philip Ciantar mir-riżultati miksuba waqt il-fażi ta’ dawn l-ewwel tliet t’ijiem, spiċċa bħala l-aħjar mill-45 player li ikkwalifikaw u b’hekk ġie impoġġi bħala s-seed numru 1. Huwa issa awtomatikament jersaq mal-aħħar 32 u jilgħab it-Tnejn fis-2 p.m. u jiltaqa‘ kontra minn jirbaħ mill-Bejġjan, Peter Bullen jew il-Franċiż, Jérôme Chatet.

Kemm Alex Borg kif ukoll Frans Mintoff jilgħabu l-konfront tan-knock out, illum fit-8 p.m. Borg jilgħab kontra l-Olandiż, Joris Maas filwaqt li Mintoff irid jiltaqa‘ mal-Fillandiż, Ville Pirilä.

Il-Ħadd barra l-fażi preliminari tan-knock out tal-Masters individwali, il-ġurnata ser tkun iddominata mill-logħbiet tal-gruppi tat-timijiet tal-Masters fejn is-sitt players Maltin issa jiġu rraggruppati fi tliet timijet. L-ewwel tim Malti ser ikun kompost minn Alex Borg u Philip Ciantar, it-tieni wieħed minn Arthur Cachia u Frans Mintoff filwaqt li Ivan Attard u David Zammit ser ikunu fit-tim imsejjaħ Malta 3.

B’kollox f’din il-kompetizzjoni tat-timijiet tal-Masters ser jieħdu sehem 34 tim minn 18 -il pajjiż differenti li huma maqsuma fi tmien gruppi.

Il-fixtures tar-raba’ ġurnata ta’ din il-kompetizzjoni li fihom ser jieħdu sehem it-tliet timijiet Maltin huma dawn:

11.00 a.m.Alex Borg/Philip Ciantar (Malta 1)vsStuart Watson/Steve Crowley (Ingilterra 2)
2.30 p.m.Arthur Cachia/Frans Mintoff (Malta 2)vsMarc Chouillier/Gilles Grzeskowiak (Franza 3)
2.30 p.m.Ivan Attard/David Zammit (Malta 3)vsDeclan Lavery/Ryan McQuillan (Irlanda ta’ Fuq 1)
5.00 p.m.Alex Borg/Philip Ciantar (Malta 1)vsJean-Marc Beauchamp/Jérôme Chatet (Franza 1)
5.00 p.m.Arthur Cachia/Frans Mintoff (Malta 2)vsVille Pirilä/Jukka Haapakoski (Fillandja)
  5.00 p.m.Ivan Attard/David Zammit (Malta 3)vsMiro Popovic/Diana Stateczny (Ġermanja)
Ekonomija

Sport