Wednesday, December 25, 2024

Snooker: Higgins jgħaddi mal-Aħħar 32 fit-Turkish Masters

Aqra wkoll

John Higgins għadda għall-Aħħar 32 tat-Turkish Masters li qed isir f’Antalya b’rebħa ta’ 5-2, iżda kellu ħafna tifħir għall-avversarju dilettant tiegħu, Dylan Emery.

L-Iskoċċiż Higgins qed ifittex l-ewwel titlu ranking tiegħu tal-istaġun wara li tilef tliet finali, għalkemm rebaħ iċ-Championship League fuq stedina x-xahar li għadda. Il-player ta’ 46 sena wera livell għoli ta’ konsistenza matul l-istaġun u jittama għal mixja qawwija lejn il-Crucible fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-player minn Wales, Emery, 20 sena, se jilgħab fit-tour professjo­nali għall-ewwel darba fl-istaġun li ġej wara li rebaħ il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena u għandu potenzjal kbir. Huwa rebaħ il-frame tal-ftuħ li kien wieħed skabruż qabel ma Higgins kiseb id-draw bi break ta’ 106.

It-tielet niżel għall-kuluri u Eme­ry kkonverta blu eċċellenti fit-tul għall-kantuniera baulk, iżda mbagħad falla roża ferm aktar faċli għan-nofs. Higgins mar għal roża fit-tul li ħakkek max-xedaq tal-pocket ta’ fuq qabel qasmet il-mejda u niżel f’wieħed ċentrali.

Dik id-daqqa ta’ xorti tajba wriet punt ta’ żvolta hekk kif Higgins mar 4-1 minn fuq. Emery għamel 55 fis-sitt frame hekk kif ġibed wieħed lura, iżda Higgins malajr issiġilla r-riżultat bi break tremend ta’ 128 fis-seba’ frame.

Higgins kien fil-belt ospitanti Antalya diversi drabi qabel fuq vaganza, u aktar tard din il-ġimgħa se jingħaqdu miegħu martu u bintu. Huwa żied jgħid: “Huwa post sabiħ, in-nies huma milqugħa ħafna. Kien sabiħ li tara l-folla llejla, in-nies huma tant kuntenti li għandhom l-aqwa players fosthom.”

Il-player minn Wishaw ta ġieħ ukoll lil Joe Perry li rebaħ tournament ranking fuq art Britannika għall-ewwel darba b’rebħa fil-Welsh Open. “Ninsab tassew kuntent għal Joe,” qal. “Kien mument speċjali għal ommu u missieru u għeleb players mill-aqwa. Hija ħa­ġa sabiħa li narah jerfa’ trofew, nin­sab kuntent ħafna għalih.”

Id-dilettant Ċiniż, Si Jiahui, għa­mel break għoli ta’ 106 hekk kif irreġistra rebħa sorpriża 5-2 fuq in-numru 13 tad-dinja, Anthony McGill. Si daħal fit-tournament mimli fiduċja wara li rebaħ il-WSF Open reċenti u għeleb player ieħor mill-aqwa 16, wara li elimina lil Shaun Murphy mill-UK Cham­pionship aktar kmieni fl-istaġun.

Il-player ġdid Ċiniż, Wu Yize, impressjona fir-rebħa 5-1 fuq Haydon Pinhey, fejn ipproduċa breaks ta’ 91, 74, 68, 52, 64 u 111.

Żewġ players oħra li rebħu 5-0 bi break rebbieħ f’kull frame huma Thepchaiya Un-Nooh li għamel 60, 72, 54, 61 u 101 kontra Ismail Turker u Kyren Wilson għamel 60, 116, 83, 85 u 100 kontra Rory McLeod.

Riżultati oħra mill-ewwel round:

Martin Gould v David Grace 5-4; Jordon Brown v Ashley Hugill 5-2; Matthew Selt v Alexander Ursenbacher 5-4; Zhou Xintong v Michael White 5-4; Michael Holt v Lukas Kleckers 5-4; Jackson Page v Simon Lichtenberg 5-0; Graeme Dott v Scott Donaldson 5-4; Tom Ford v Anthony Hamilton 5-2.

Ekonomija

Sport