Graeme Dott għamel clearance eċċellenti fil-frame deċiżiv biex għeleb lil John Higgins 5-4 u waqqaf kwarti-finali ma’ Ding Junhui fin-raba’ round tat-Turkish Masters li qed isir f’Antalya.
Ir-rebħa fil-konfront kollu Skoċċiż tara lil Dott ikompli l-mixja riċenti tal-forma tiegħu hekk kif wasal sas-semi-finali tal-European Masters.
Higgins għamel 141, l-ogħla break tal-ġimgħa s’issa, fit-tieni frame u wara kien 3-2 minn taħt biex mar 4-3 fil-vantaġġ. Huwa kellu ċans għar-rebħa fit-tmien frame, iżda falla pot delikat fuq l-aħħar kannella għall-baulk pocket meta kien 19-il punt minn taħt. Dott ippottja l-kannella fil-pocket tan-nofs u għamilhom 4-4.
L-ewwel ċans fil-frame deċiżiv mar għand Dott li għamel 28, imbagħad Higgins wieġeb bi 32 qabel spiċċa barra mill-pożizzjoni u lagħab sigur. Meta Dott ħabbat ħamra fit-tul ma dehritx qisha opportunità ta’ rebħa għax kien hemm żewġ ħomor issikkati mal- cushion, iżda qabadhom u kompla jagħmel 50 mill-isbaħ.
Ir-riżultat iħalli lil Higgins inċert dwar postu fit-Tour Championship aktar tard dan ix-xahar. Bħalissa jinsab is-seba’ fil-lista tar-rankings ta’ sena, iżda din il-ġimgħa jistgħu jaqbżuh players oħra.
Ding Junhui wera ħjiel tal-forma li rebħitu 14-il titlu rankings hekk kif għeleb lid-dilettant Si Jiahui 5-4 f’battalja ta’ kwalità għolja. Ding ipproduċa breaks ta’ 64, 93, 73, 127 iżda xorta mar 4-3 minn taħt, imbagħad irribatta b’105 u 97 biex jieħu l-aħħar żewġ frames u jgħaddi għall-ewwel kwarti-finali ta’ tournament ranking mill-German Masters tal-2021.
F’logħba oħra li daħlet fil-frame deċiżiv, Martin Gould għeleb lil Lu Ning 5-4 grazzi għal break ta’ 61 fil-frame msemmi. Issa jiffaċċja lil Matthew Selt, li fir-round preċedenti elimina lil Zhao Xintong u żamm il-mixja tajba tiegħu għaddejja b’rebħa 5-1 kontra Thepchaiya Un-Nooh, fejn ipproduċa breaks ta’ 72, 80 u 61.
RIMONTA STUPENDA MINN
TRUMP KONTRA LIANG
Ir-ritorn ta’ Judd Trump fil-forma ħa ritmu hekk kif daħal minn 4-1 minn taħt biex għeleb lil Liang Wenbo 5-4 u għadda għall-aħħar 16.
Break ta’ 116 ra lil Trump jirbaħ il-frame tal-ftuħ iżda huwa qatta’ l-biċċa l-kbira tal-erba’ frames ta’ wara bil-qegħda hekk kif iċ-Ċiniż Liang għamel breaks ta’ 55, 96 u 118. Trump għamel 59 fis-sitt frame hekk kif beda r-rimonta meta għamilhom 4-2.
Frames sebgħa u tmienja t-tnejn niżlu għall-aħħar ħamra, u fiż-żewġ okkażjoniiet kien Liang li għamel żball ta’ sigurtá, u ta ċ-ċans lill-avversarju tiegħu li jirkupra għal 4-4.
Kmieni fil-frame deċiżiv, Liang mar għal ħamra diffiċli fit-tul iżda falla l-mira, u dan kien l-aħħar shot sinifikanti tiegħu hekk kif Trump ikkonferma r-rebħa bi break ta’ 72.
Zhou Yuelong għeleb lil Luca Brecel 5-4 biex laħaq l-aħħar 16 ta’ avveniment ranking għat-tielet darba dan l-istaġun. Il-player Ċiniż rebaħ il-frame deċiżiv bi break ta’ 71.
Ali Carter irkupra minn 3-0 minn taħt biex għeleb lil Matthew Stevens 5-4 f’partita tremenda li fiha saru disa’ breaks, 67, 104, 68 u 63 minn Stevens u 74, 78, 90, 98 u clearance vitali ta’ 60 fil-frame deċiżiv minn Carter.
Shaun Murphy kiseb rebħa ta’ 5-3 fuq Jimmy Robertson fit-tielet round u issa qed jittama li jirbaħ it-tournament fit-Turkija wara li diġa’ rebaħ f’pajjiżi li jinkludu l-Brażil, iċ-Ċina, Malta, il-Belġju, l-Irlanda, il-Polonja, il-Bulgarija u l-Ġermanja u huwa meqjus bħala ambaxxatur mill-aqwa tal-isport.
Riżultati oħra:
L-Aħħar 32: Martin Gould v Jack Lisowski 5-4; Thepchaiya Un-Nooh 5-1; Ding Junhui v Kyren Wilson 5-3; Oliver Lines v Andrew Higginson 5-3; Yan Bingtao v Elliot Slessor 5-4; Jak Jones v Hossein Vafaei 5-4; Sam Craigie v Yuan Si Jun 5-2.