Sunday, November 24, 2024

Snooker: Hossein Vafaei l-ewwel Iranjan fil-Crucible

Aqra wkoll

Hossein Vafaei huwa l-ewwel player mill-Iran li se jikkompeti fil-Crucible, grazzi għar-rebħa drammatika ta’ 10-9 fuq Lei Peifan fir-round finali ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat tad-Dinja, li se jibda llum f’Sheffield. 

Vafaei llidja 4-1 fl-istadji bikrija qabel ma Lei, li kien qed ifittex ukoll id-debutt fil-Crucible, irkupra għal 5-5. Qatt ma kien hemm aktar minn frame wieħed bejniethom fid-dritta finali, u fl-aħħar frame Lei kien 61-0 fil-vantaġġ iżda falla li jippottja r-raba’ l-aħħar ħamra diffiċli mit-tul u Vafaei jagħmel clearance meraviljuż ta’ 54 biex issiġilla r-rebħa.

Jackson Page, 20 sena, ukoll kiseb id-debutt fil-Crucible, b’rebħa 10-6 fuq David Grace. Il-Welshman għamel l-aqwa breaks ta’ 104 u 116 fi prestazzjoni eċċellenti.

David Gilbert, li wasal sas-semi-finali fl-2019, kiseb ir-ritorn tiegħu b’rebħa enfatika ta’ 10-3 fuq Anthony Hamilton bl-aqwa break ta’ 100 jgħin lil Gilbert jidħol fl-aħħar 32.

Battalja bejn żewġ players li t-tnejn kienu finalisti darb­tejn fil-Crucible marret għand Matthew Stevens hekk kif daħal minn 4-0 minn taħt biex għeleb lil Ali Carter 10-8. Il-Welshman Stevens ipproduċa tliet century breaks ta’ 100, 115 u 139 hekk kif kiseb it-18-il dehra tiegħu fl-istadji tele­viżivi.

Jamie Clarke għamilha ġurnata iktar aħjar għal Wales hekk kif kiseb suċċess ta’ 10-8 fuq iċ-champion tal-2006, Graeme Dott. Clarke ġie milħuq minn 8-4 minn fuq għal 8-8 iżda mbagħad ħa s-17-il frame bi break ta’ 76. It-18 niżel għal battalja fuq is-sewda finali, u Clarke ra tentattiv doppju għall-pocket tan-nofs ifallu l-mira, iżda qasam il-mejda u l-boċċa niżlet fil-pocket oppost.

Chris Wakelin irkupra żbilanċ ta’ 3-1 biex għeleb lil Jimmy Robertson 10-7 bl-aqwa break tiegħu jkun ta’ 131. 

Liam Highfield skorja rebħa ta’ 10-7 fuq Yuan Sijun bl-aqwa break ikun ta’ 123, biex ibbukkja t-tielet dehra tiegħu fil-Crucible. 

Noppon Saengkham skorja żewġ centuries ta’ 116 u 113 fir-rebħa 10-8 fuq iċ-champion tal-Gibraltar Open, Robert Milkins. Huwa żmien eċċitanti għal Saengkham peress li, lura fit-Tajlandja, martu għandha tmien xhur tqila.

JITTELLGĦU L-POLOZ

Il-poloz, li ġew imtellgħin nhar il-Ħamis, se jaraw liċ-champion renjanti, Mark Selby, jiftaħ il-kampanja tiegħu kontra Jamie Jones, illum fil-11.00 am fejn fl-ewwel round il-logħob ikun l-aqwa minn 19-il frames.

Il-poloz kollha rriżultaw hekk:

Mark Selby v Jamie Jones; Yan Bingtao v Chris Wakelin; Barry Hawkins v Jackson Page; Mark Williams v Michael White; Kyren Wilson v Ding Junhui; Stuart Bingham v Lyu Haotian; Anthony McGill v Liam Highfield; Judd Trump v Hossein Vafaei.

Neil Robertson v Ashley Hugill; Jack Lisowski v Matthew Stevens; Luca Brecel v Noppon Saengkham; John Higgins v Thepchaiya Un-Nooh. Zhao Xintong v Jamie Clarke; Shaun Murphy v Stephen Maguire; Mark Allen v Scott Donaldson; Ronnie O’Sullivan v David Gilbert.

Sport