Saturday, October 26, 2024

Snooker: Iż-żagħżugħ Davies żewġ rebħiet bogħod mill-Crucible

Aqra wkoll

Liam Davies, li huwa l-iżgħar rebbieħ li qatt sar ta’ logħba tal-Kampjonat tad-Dinja aktar kmieni din il-ġimgħa, segwiha b’rebħa ta’ 6-5 fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni meta għeleb lil Fergal O’Brien u issa jinsab żewġ rebħiet biss bogħod minn post fil-Crucible.

Il-Welshman Davies, li jagħlaq 16-il sena f’Ġunju, għe­leb lil Aaron Hill fl-ewwel round f’Sheffield biex stabbilixxa rekord ġdid fl-istorja ta’ 95 sena tat-tournament.

Il-partita tiegħu kontra l-eks champion tal-British Open, O’Brien, bdiet il-Ħamis filgħodu u tneħħiet fi tmiem is-sessjoni meta Davies mar 5-4 minn fuq. Kellhom jistennew sa tard filgħaxija biex jirritornaw, imbagħad O’Brien rebaħ frame ta’ 51 minuta għal 5-5. Iżda Davies ħa l-aħjar minn decider ta’ 42 minuta biex ikompli l-mixja tiegħu. Huwa se jiltaqa’ kontra Jordan Brown illum filgħaxija.

Ir-riżultat fisser relegazzjoni mit-tour għall-Irlandiż O’Brien li se jkollu jgħaddi mill-Q School jekk irid jiġġieled biex jibqa’ fit-tour.

Thepchaiya Un-Nooh u Michael Holt it-tnejn rebħu l-partiti tal-ftuħ  biex isaħħu t-tamiet tagħhom li jevitaw ir-relegazzjoni miċ-ċirkwit professjonali.

Un-Nooh tat-Tajlandja u Holt ta’ Nottingham it-tnejn reb­ħu x-Shoot Out f’dawn l-aħħar snin, iżda forma fqira matul l-aħħar żewġ staġuni rathom jaqgħu fiż-żona ta’ periklu fit-tellieqa tas-sopravivenza tat-tour. Iżda rebħiet fit-tieni round għenu l-kawża tagħhom.

Un-Nooh għeleb lil Andrew Pagett 6-4 f’partita ta’ kwa­lità għolja li pproduċiet erba’ century breaks. Minn 3-0 minn taħt, Pagett ħa ż-żewġ frames ta’ wara bi break ta’ 122, qabel ma Un-Nooh għamel 137 fis-sitt frame, tilef is-sewda finali għal 144 li kien ikun l-ogħla break s’issa tat-tournament.

Il-Welshman Pagett imbagħad għamel 116 u 100 għal 4-4, iżda kien Un-Nooh li ħa l-aħħar żewġ frames b’90 u 54.

Holt għamel breaks ta’ 56, 63, 77, 67 u 54 f’rebħa impres­sjonanti ta’ 6-1 fuq Hammad Miah.

Nigel Bond huwa l-uniku player li sar professjonali fis-snin 80 u żamm postu fit-tour sal-lum, mingħajr ma kellu bżonn wild card. Iżda l-finalista tal-Crucible fl-1995 se jkollu jmur il-Q School biex iżomm l-istatus ta’ professjonali peress li tilef 6-1 kontra Lukas Kleckers tal-Ġermanja.

Id-dilettant Michael White kiseb rebħa ta’ 6-2 fuq Martin O’Donnell filwaqt li Ashley Hugill għamel whitewash, 6-0, fuq Dean Young bl-aqwa break ikun ta’ 84.

L-Ukren ta’ 16-il sena, Iulian Boiko, rebaħ l-ewwel partita tiegħu fil-kampjonat, meta għeleb liċ-Ċiprijott Michael Georgiou 6-4 fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni.

Boiko kien sar l-iżgħar player li qatt ikkompeta fil-kampjonat, meta fl-2020 iddebutta fl-età ta’ 14-il sena.

Huwa sar professjonali fil-bidu tal-istaġun 2020-21 wara li kien spiċċa finalista fil-WSF Open. Wara li qattaʼ żewġ staġuni fiċ-ċirkwit, huwa probabbli li jkollu bżonn jilħaq il-Crucible biex iżomm postu it-tour.

Sport