Sunday, November 24, 2024

Snooker: Jintemmu l-kompetizzjonijiet ta’ matul s-sajf u ser jibda l-ewwel ranking

Aqra wkoll

Il-Malta Billiards and Snooker Association għandha staġun twil ta’ kompetizzjonijiet li huma estiżi anke’ fix-xhur tas-sajf. Matul l-aħħar ġimgħat saru l-kampjonati kollha tal-tal-juniors u anke’ tat-timijiet u fi ftit tal-jiem oħra jibda l-istaġun il-gdid bl-ewwel ranking tournament.

Bħall-aħħar sentejn il-kategoriji tal-juniors kienu erbgħa’; taħt -il 21 sena, taħt it-18-il sena, taħt is-16-il sena u taħt it-12-il sena. Fil-kategoriji ta’ taħt -il 21 sena r-rebbieħ kien Matthias Debono filwaqt li fil-kategoriji ta’ taħt it-18-il sena u ta’ taħt is-16-il sena, ħarġu rebbieħa, l-aħwa, Chaylon u Jake Castaldi rispettivament. Fit-tliet finali l-finalist l-ieħor kien Xavier Rizzo.

Fl-iżgħar kategorija, dik ta’ taħt it-12-il sena, ġiet mirbuħa minn Gregory Cachia li fil-finali għeleb lir-rebbieħ taż-żewġ edizzjonijiet preċendenti, Adam Pace.

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjonijiet fil-kategoriji kollha tal-juniors issa jilgħabu barra minn xtutna u jirrappreżentaw lil Malta waqt l-edizzjoni li jmiss tal-European Junior Championships.

Il-finali tal-kampjonat tat-timijiet din is-sena kienet kkontestata bejn Old Friends kompost minn Brian Cini, Philip Ciantar u Ivan Attard u AMC iffurmat minn Aaron Busuttil, Matthew Calleja u Clayton Goodrum. Eventwalment kienu Old Friends li rebħu l-finali bil-punteġġ ta’ 5-2.

Ftit tal-jiem ilu wara li ntemmu dawn il-finali l-MBSA flimkien ma SportMalta ħadu ħsieb il-proċess sabiex jinbidlu u jitpoġġa pannu ġdid fuq kull mejda sabiex nhar it-Tnejn li ġej jibda l-istaġun l-ġdid bl-ewwel ranking tournament li għalih rregistraw biex jieħdu sehem 60 player. Il-finali ta’ din l-ewwel kompettizjoni tal-istaġun hija ppjanata li ssir il-Gimgħa, 27 ta’ Settembru.

Fil-gimgħat li ġejjin l-MBSA, bħas-snin preċedenti ser torganizza wkoll serata biex tonora li rebbieħa kollha tal-istaġun li għadu kemm spiċċa.

Sport