Saturday, December 21, 2024

Snooker: Judd Trump jirbaħ it-Turkish Masters

Aqra wkoll

Judd Trump (ritratt) rebaħ l-ewwel tit­lu ranking tiegħu f’sena meta għeleb lil Matthew Selt 10-4 fil-finali tat-Turkish Masters inawgurali, u ferraħ lill-ispettaturi bi break brillanti ta’ 147.

Fil-finali tal-ewwel tournament profes­sjonali li qatt sar fit-Turkija, Trump mar 2-1 minn taħt iżda rebaħ disgħa mill-aħħar 11-il frames. Huwa xegħel il-konfront bil-147 li ra lill-ispettaturi f’Antalya jqumu biex jagħtuh ovazzjoni fil-logħba kkontrollata mir-referee Malti, Terry Camilleri.

Minkejja li f’Novembru Trump rebaħ iċ-Champion of Champions fuq stedina, kien staġun diżappuntanti għalih, iżda temm sensiela negattiva li tmur lura sa Marzu 2021 bit-titli ranking tiegħu issa saru 23 li jarawh fis-sitt post waħdu fil-lista ta’ kull żmien, qabel Neil Robertson.

Meta tilef kontra Joe Perry fil-finali tal-Welsh Open ġimgħa ilu, Trump kien għajjien u megħlub, iżda kellu enerġija biżżejjed biex jagħmel il-vjaġġ fl-Ewropa u anke jilgħab seba’ logħbiet f’sitt ijiem.

L-ogħla premju ta’ £100,000 tellgħu fir-raba’ post fil-lista ta’ sena – wara li ġimgħa­tejn qabel kien fis-17-il post – u aċċerta postu fit-Tour Championship aktar tard dan ix-xahar.

Iċ-champion tal-Indian Open 2019, Selt, tilef iċ-ċans li jsir l-40 player fl-istorja tas-snooker li rebaħ aktar minn tournament wieħed. Iżda huwa rebaħ il-premju ta’ £45,000 u mill-31 post tela’ fit-22 post fir-rankings mondjali.

Wara l-ewwel sessjoni Trump illidja 5-3, u s-serata ta’ fil-għaxija bdiet b’mod stramb hekk kif, fl-ewwel frame, huwa ta 60 punt f’fouls wara li nqabad f’maskra diffiċli. Wara, l-player minn Bristol għamel clearance ta’ 88 biex rebaħ frame li kellu total ta’ punti kombinati ta’ 189, ferm viċin mir-rekord ta’ kull żmien ta’ 192.

Il-147 meraviljuż seħħ fl-10 frame u wara żied il-11 bi break ta’ 73 biex illidja 8-3. Fit-12, Selt kien 51 punt minn fuq bi tliet ħomor fuq il-mejda, iżda laqat il-boċċa l-baj­da u sportivment sejjaħ foul fuqu stess, li ta ċans lil Trump jerġa’ jidħol fil-frame.Eventwalment kien Selt li sal-mistrieħ għamel l-iskor 8-4.

Selt kellu ċans bikri fit-13-il frame iżda għamel seba’ punti biss u Trump ikkastigah bi 82. U ħamra mill-isbaħ fit-tul fil-bidu tal-frame li kien imiss rah jagħmel it-tielet century ta’ 114 biex issiġilla r-rebħa.

“Kienet l-ewwel darba li ħadt ħafna pjaċir bis-snooker tiegħi dan l-istaġun,” qal Trump, li issa għeleb lil Selt f’disa’ mit-12-il laqgħa tagħhom. “Jiena sibt daqsxejn ta’ forma fis-semi-finali. Li ħriġt 5-3 minn fuq kien ta’ serħan kbir għax tatni daqsxejn tan-nifs.

“Dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nivvjaġġa mad-dinja u nilgħab is-snooker f’pajjiżi differenti. Li tajt wirja tajba u għamilt il-break massimu fil-finali nittama li tispira players Torok biex jaqbdu l-istikka u jibdew jilagħbu. Forsi fil-futur ikun hemm player Tork mill-aqwa.

“Matt qed jimxi ‘l quddiem u qed isir iktar konsistenti u għandu t-twemmin li jista’ jagħmel dan fuq il-palk prinċipali.”

Selt qal: “Kien hemm ftit frames fl-ew­wel sessjoni li stajt nirbaħ. Ħallejtielu lixxa wisq drabi, ma tistax tagħmel dan kontra l-aqwa player fid-dinja. Kieku stajt nispiċċa l-ewwel sessjoni 5-3 minn fuq stajt irbaħt il-logħba. Hija opportunità mitlufa għaliex dawn il-logħbiet ma jseħħux ħafna drabi u tkun tista’ taqbeż ħafna postijiet fir-rankings.

Il-frames kollha ntemmu hekk:

Judd Trump v Matthew Selt 10-4 – L-ewwel sessjoni: 51-67 (61), 76-1 (61), 1-66, 120-0 (120), 77-21, 82-0 (56), 11-81, 70-40 (56); It-tieni sessjoni: 113-76 (88), 147-0 (147), 98-0 (73), 40-63, 90-7 (82), 114-1 (114).

It-tournament li jmiss huwa l-Gibraltar Open li se jsir fl-Europa Sport Complex mill-24 sas-26 ta’ dan ix-xahar.

Ekonomija

Sport