Tuesday, December 24, 2024

Snooker: L-Iskoċċiż Ross Muir isir iċ-champion il-ġdid tal-Ewropa

Aqra wkoll

Rebħa bl-iskor ta’ 5-1 meta kien qed jiffaċċja lill-kompatrijott tiegħu, Michael Collumb, nhar is-Sibt filgħaxija, fil-finali tat-tournament tal-irġiel organizzat mill-European Billiard & Snooker Association li saret fil-Lukanda Dolmen f’San Pawl il-Baħar, l-Iskoċċiż Ross Muir sar iċ-Champion Ewropew il-ġdid tas-snooker u s-suċċessur ta’ Andres Petrov tal-Estonja bħala r-re tal-kontinent.

Il-player ta’ 27 sena minn Edinburg se jiġi nominat mill-EBSA biex jieħu sehem fil-World Snooker Tour fis-sentejn li ġejjin, bħal sieħbu Liam Graham, rebbieħ tal-kategorija tal-Under/21 hawn Malta wkoll, fejn l-Iskozja kisbet ir-rebħa fi tlieta minn erba’ tournaments, meta tgħodd ir-rebħa ta’ Jack Borwick fil-kategorija Under/16.

Fil-finali kollha Skoċċiża, l-avversarju tiegħu, Collumb, ta’ 34 sena minn Motherwell, kellu jikkuntenta bil-post ta’ runner-up meta Muir beda bir-rebħ tal-ewwel żewġ frames, 83-9 (55) u 110-9 (88) u mbagħad Collumb naqqas il-marġni meta rebaħ it-tielet frame 63-42.

Iżda sal-mistrieħ Muir għamilhom 3-1 meta r-raba’ frame rebħu 70-47 u meta reġgħu bdew għalaq il-logħba bir-rebħ tal-ewwel żewġ frames li saru li huwa rebaħ 79-41 u 96-1.

Muir kellu jirbaħ 10 logħbiet f’sebat ijiem biex jerġa’ jikseb iċ-ċans li jerġa’ lura fit-tour u issa sar r-raba’ player mill-Iskozja li sar Champion Ewropew tas-snooker, wara Graham Horne (1996), Scott Donaldson (2012) u Chris Totten (2017).

L-Ukren Iulian Boiko kellu l-aħjar break tat-tournament u kiseb il-premju b’dak stupend ta’ 139, filwaqt li l-Irlandiż Ross Bulman u ċ-Champion Ewropew tal-1997 u tal-2013, il-Finlandiż Robin Hull, irċevew ukoll il-midalja tal-bronż f’din il-kompetizzjoni tal-2023 f’Malta.

L-udjenza f’Delos Room tal-Lukanda Dolmen, il-post tal-kompetizzjoni mis-6 ta’ Marzu, tat tribut qalbieni liż-żewġ assi Skoċċiżi.

Ekonomija

Sport