Monday, November 4, 2024

Snooker: Murphy eliminat minn Wilson fil-European Masters

Aqra wkoll

Shaun Murphy ammetta li kien grat li qed jikkompeti mingħajr uġiegħ wara r-rebħa tiegħu 5-3 fuq Zhang Anda fil-European Masters li qed isir f’Furth, il-Ġermanja.

L-istaġun li għadda Murphy kien ikkawżat minn ġrieħi f’dahru u f’għonqu. Madankollu, f’dan li għadu jibda, il-Magician ilu jaħdem ħafna fuq eżerċizzji biex itaffi l-uġigħ. Huwa jammetti li hija problema li qatt mhi se titlaq, iżda jgħid li qed igawdi kull mument li jkun kapaċi jikkompeti.

Iċ-Champion tad-Dinja tal-2005 gawda minn bidu sod tal-kampanja preżenti. Huwa għamel it-tieni fażi taċ-Championship League riċenti u għeleb lil Dean Young 5-3 fil-kwa­lifikazzjoni għat-tournament ta’ din il-ġimgħa.

Murphy kkompona break ta’ 53 fi triqtu biex jieħu l-frame tal-ftuħ. Zhang rrestawra l-parità, iżda kien Murphy li sostna ż-żewġ frames ta’ wara biex kien 3-1 minn fuq fil- mistrieħ.

Meta reġa’ beda l-logħob, Zhang naqqas id-distakk għal frame wara break ta’ 62. Il-frame ta’ wara ra lil Murphy jiddepożita 10 ħomor bis-suwed u ħalla lill-folla tittama għal massimu. Madankollu, waqa’ mill-pożizzjoni biex itemm il-mixja tiegħu fuq 80.

Wara 4-2, Zhang ikkompona kontribuzzjoni straordinarja ta’ 143 biex irkupra frame lura. Murphy ma  kellux   jiġi mċaħħad tant li ssiġilla r-rebħa fil-frame li kien imiss. Sussegwentement Murphy iffaċċja lil Chris Wakelin fl-aħħar 32 u rebaħlu 5-3.

Il-player minn Kettering, Kyren Wilson, rebaħ it-tieni mill-erba’ tournament rankings tiegħu s’issa fil-Ġermanja lura fl-2018, meta rebaħ l-edizzjoni tal-klassifika finali tal-Paul Hunter Classic fejn fil-finali għeleb lil ħabib u eks sieħbu tal-prattika, Peter Ebdon.

Iżda l-finalista tal-Kampjonat tad-Dinja 2020, Wilson, ma għollix il-fidda f’tournament ranking fi kważi sentejn u se jkun ħerqan li jtemm dik in-nixfa dalwaqt.

Huwa beda biex għeleb lil Lyu Haotian li rebaħlu 5-1 bi breaks ta’ 60, 72 u 111 waqt li wara għeleb lil Jimmy Robertson 5-2 fejn inkluda centuries ta’ 101 u 100 waqt li Ro­bertson għamel 136.

Imbagħad fl-aħħar 16 Wilson eli­mina lil Murphy 5-3 f’logħba bilanċjata u issa jiltaqa’ kontra Da­niel Wells jew Si Jiahui

Judd Trump ibbukkja post fl-aħħar 32 b’rebħa 5-3 fuq Ashley Hugill, filwaqt li r-rebbieħ ta’ 24 titli rankings, Mark Williams, ħareġ rebbieħ 5-2 kontra Sanderson Lam.

Il-Welshman Jackson Page kiseb rebħa impressjonanti ta’ 5-1 kontra ċ-Ċiniż, Yuan Sijun, li qabel kien għeleb lil Mark Selby. Barry Hawkins kompla għaddej b’rebħa ta’ 5-2 kontra Aaron Hill.

Fost il-players li għaddew għall-aħħar tmienja nsibu lil Wu Yize li għeleb lil Ryan Day 5-2, Ali Carter lil David Grace 5-4, Judd Trump lil Farakh Ajaib 5-4, Barry Hawkins lil Robert Milkins 5-0 u Mark Williams lil Zhou Yuelong 5-0 ukoll.

Sport