Friday, December 13, 2024

Snooker: Neil Robertson viċin ħames century breaks infila

Aqra wkoll

Neil Robertson kien ftit punti bogħod li jsir l-ewwel player li jagħmel ħames century breaks konsekuttivi f’logħba professjonali waqt ir-rebħa tiegħu 5-0 fuq Alfie Burden fit-tieni round tal-European Masters li qed isir f’Milton Keynes.

Robertson ħa vantaġġ ta’ 4-0 bi breaks ta’ 105, 101, 107 u 116. Fil-ħames frame kien fost il-boċċi u fi triqtu għall-ħames century storiku, iżda spiċċa barra mill-pożizzjoni meta kien fadal żewġ ħomor. Fuq 76, ħass li seta’ jżomm il-break għaddej billi jippottja is-sewda, li kienet qrib iż-żewġ ħomor, iżda laqat ħamra bi żbrixx u ċ-ċans intilef.

Kieku Robertson baqa’ sejjer, Burden kien ibati l-ignominija li lanqas jippottja punt fil-partita li kieku ma kisibx sebgħa għal dak il-foul mill-avversarju tiegħu.

L-Awstraljan Robertson xorta sar l-ewwel player li skorja erba’ centuries konsekuttivi f’partita f’aktar minn okkażjoni waħda, wara li qabel għamel dan f’avveniment tal-PTC fl-2013 meta għeleb lil Ahmed Saif bl-iskor ta’ 4-0 mingħajr ma sofra punt.

L-uniċi sitt players oħra li għamlu erba’ centuries konsekuttivi huma John Higgins, Gary Wilson, Mark Allen, Shaun Murphy, Stephen Maguire u Lu Ning.

In-numru erbgħa tad-dinja, Robertson, kiseb 522 punt mingħajr risposta, mhux ‘il bogħod mir-rekord ta’ 556 stabbilit minn Ronnie O’Sullivan kontra Ricky Walden fil-Masters tal-2014.

Robertson, li llum jiltaqa’ ma’ Pang Junxu fl-aħħar 32, aktar kmieni din il-ġimgħa ġie rikonoxxut minn Ronnie O’Sullivan bħala l-player li għandu jegħleb fil-Kampjonat tad-Dinja li jibda f’April.

Judd Trump kważi ngħaqad ma’ Mark Selby bħala vittma bikrija hekk kif kellu jiġi minn 4-2 minn taħt biex għeleb lil Jak Jones 5-4. In-numru 48 tad-dinja Jones spiċċa bi breaks ta’ 115, 94 u 128 hekk kif daħal minn 2-1 minn taħt biex illidja 4-2.

Iżda Trump irkupra bi breaks ta’ 73, 83 u 98 biex ħa l-aħħar tliet frames u issa jiltaqa’ ma’ Kurt Maflin, li għeleb lil Andrew Higginson 5-4.

Selby safa megħlub 5-3 minn Jordan Brown fejn dan għamel century ta’ 128 u Selby wieħed ta’ 118.

Ronnie O’Sullivan kellu jitħabat biex għeleb lil Zhang Anda 5-4 fejn kien żball fuq ħamra li għarrqu. O’Sullivan għamel breaks ta’ 86, 51, 69, 55 u 128 u Zhang erbgħa ta’ 500, 64, 114 u 91.

Mitchell Mann kellu l-ikbar break ta’ 90 fir-rebħa 5-0 fuq Thepchaiya Un-Nooh b’dan jippottja 72 punt biss fil-ħames frames filwaqt li Anthony McGill ippruduċa centuries ta’ 134 u 124 hekk kif għeleb lil Hossein Vafaei 5-0 ukoll. Shaun Murphy sofra telfa ta’ 5-3 kontra Noppon Saengkham tat-Taj­landja.

Riżultati oħra mit-tieni round: Ali Carter v Sean Maddocks 5-1; Martin Gould v Louis Heathcote 5-3; Tom Ford v Ian Burns 5-3; Ricky Walden v Matthew Stevens 5-1.

Ekonomija

Sport