Saturday, December 21, 2024

Snooker: O’Sullivan jirreġistra ħames century breaks

Aqra wkoll

Ronnie O’Sullivan (ritratt) ipproduċa ħa­mes century breaks waqt trijonf eċċitanti kontra Mark Williams, membru bħalu tal-Klassi tat-92, meta rebaħ il-frame deċiżiv biex ħareġ rebbieħ 10-9.

Mit-tieni frame ‘l quddiem O’Sullivan qatt ma kien minn taħt f’konfront bilanċjat, iżda r-re tal-Crucible tliet darbiet, Williams, irrifjuta li jħallih jaħrab ‘il quddiem tant li baqa’ biċ-ċans sal-konklużjoni tal-frame deċiżiv tat-taqtiegħ il-qalb.

Ir-rebħa testendi sensiela mhux megħluba għar-rebbieħ ta’ 38 tournaments ranking, O’Sullivan, li tmur lura 22 sena. L-aħħar darba li tilef kontra Williams fuq żewġ sessjonijiet kienet fis-semi-finali tal-UK Championship 2000.

O’Sullivan issa rebaħ ukoll l-aħħar sitt laqgħat tagħhom f’tournament ranking, bl-aktar rebħa riċenti ta’ Williams bejniet­hom seħħet lura fl-International Championship 2014.

Illum ċ-champion renjanti, Neil Robertson, se jiltaqa’ kontra O’Sullivan fl-ewwel semi-finali f’dik li hija laqgħa bejn iż-żewġ rebbieħa ta’ tournament fis-Sensiela Cazoo ta’ dan l-istaġun. O’Sullivan għeleb lil Robertson fil-finali tal-World Grand Prix f’Diċembru, filwaqt li Robertson kiseb it-titlu tal-Players Championship ix-xahar li għadda.

Fis-sessjoni ta’ wara nofsinhar kien Williams li rebaħ l-ewwel frame li dam 29 minuta, iżda O’Sullivan malajr dawwar il-logħba favur tiegħu bi breaks ta’ 56, 84 u 131 biex sal-mistrieħ mar minn 3-1 minn fuq.

Williams naqqas id-distakk qabel ma O’Sullivan għamel century stupend ta’ 128 bil-Welshman jirrispondi bi 92  u r-Rocket jagħlaq is-sessjoni b’89 u jillidja 5-3.

It-tieni sessjoni bdiet bil-kbir meta Williams għamel 103 u O’Sullivan irrisponda b’100 biex l-iskor sar 6-4.

Bl-istilla tal-UFC, Paddy Pimblett, preżenti, iż-żewġ stilel komplew jinnegozjaw il-breaks. Williams ikkompona wieħed ta’ 89, qabel ma O’Sullivan għamel 75 biex il-mistrieħ rah jillidja 7-5.

Meta reġa’ beda l-logħob, Williams kiseb lura l-parità, 7-7. Imbagħad kien 24-0 fil-15-il frame, iżda żbalja fir-roża meta daħal fil-     pakkett. O’Sullivan approfitta bla ħniena fuq l-isfortuna tal-avversarju tiegħu, meta break ta’ 106 rah jerġa’ jieħu l-vantaġġ.

Williams reġa’ kiseb il-parità, qabel ma break ta’ 127 poġġa lil O’Sullivan frame bogħod mir-rebħa, 9-8. It-18-il frame niżel għas-safra, bir-riżultat ferm fil-bilanċ. Williams ippottja boċċa fit-tul mill-isbaħ u kklerja għar-roża biex jisforza l-frame deċiżiv.

Wara li ż-żewġ players fallew iċ-ċansijiet, kollox niżel għall-ħamra finali. Williams falla tentattiv ta’ medda twila u O’Sullivan ikklerja lejn ir-roża biex kiseb ir-rebħa.

Il-bieraħ saret l-aħħar kwarti-finali bejn Judd Trump u Luca Brecel u llum issir l-ewwel semi-finali bejn O’Sullivan u Robertson. Għada John Higgins jistenna r-rebbieħ bejn Trump u Brecel fit-tieni semi-finali.

Ekonomija

Sport