Sunday, October 27, 2024

Snooker: Rimonta sensazzjonali ta’ Robertson fuq Higgins

Aqra wkoll

Neil Robertson iddefenda t-titlu tiegħu tat-Tour Championship b’rimonta sensazzjonali biex għeleb lil John Higgins, me­ta rkupra minn 9-4 minn taħt u spiċċa rebbieħ 10-9 fi Llandudno, Wales.

Din hija t-tieni darba li Robertson għeleb lil Higgins dan l-istaġun. L-Aws­traljan mar 8-6 minn taħt fil-finali tal-English Open lura f’Novembru u rkupra biex kiseb rebħa eċċitanti ta’ 9-8.

Ir-rebħa għaċ-Champion tad-Dinja tal-2010 Robertson issaħħaħlu staġun diġà tad-deheb. Huwa kiseb il-glorja tat-Triple Crown fil-Masters f’Jannar, fejn għeleb lil Barry Hawkins fil-partita għat-titlu f’Alexandra Palace.

Is-suċċessi l-oħra ta’ Ro­bertson rawh jirbaħ b’mod komprensiv is-Sensiela Cazoo. Huwa kien runner-up wara Ronnie O’Sullivan fil-World Grand Prix qabel il-Milied. Imbagħad għolla t-trofew tal-Players Championship ix-xahar li għadda, meta reġa’ għeleb lil Hawkins fil-finali.

Ir-rebħa tal-Ħadd temmet id-difiża tat-titlu b’suċċess għal Robertson, li għeleb lil Ronnie O’Sullivan 10-4 fil-finali tas-sena l-oħra.Huwa ħa l-ogħla premju ta’ £150,000 u assigura t-23 titlu ranking tal-karriera tiegħu. Dan iġibu f’livell ma’ Judd Trump fis-sitt pożizzjoni fil-lista tar-rebbieħa ta’ kull żmien.

Higgins, 46 sena, ħalla Llandudno bil-premju finanzjarju ta’ £60,000 bħala finalista. Ir-re erba’ darbiet tal-Crucible issa tilef ħames finali maġġuri dan l-istaġun. 

Higgins fetaħ il-logħba bil-kbir meta mar 3-0 minn fuq inklużi żewġ century breaks ta’ 136 u 126 iżda R­o­bertson irrisponda bi tlieta favur tiegħu biex sal-mistrieħ għamel l-iskor 3-3 fejn anke hu għamel centuries ta’ 130 u 129 u bejniethom 76.

Madankollu Higgins re­baħ żewġ frames oħra bi breaks ta’ 127 u 80 biex għalaq l-ewwel sessjoni 5-3 fil-vantaġġ.

Imbagħad il-ftuħ tat-tieni sessjoni aktar tard fil-għa­xija Higgins rebaħ l-ewwel tliet frames biex għamilhom ħamsa fuq xulxin u l-iskor sar 8-3 fejn fit-tieni wieħed għamel break ta’ 68.

Robertson naqqas id-distakk bi break ta’ 91 b’Higgins jagħmilhom 9-4 bi break ta’ 84 biex resaq frame bogħod mir-rebħa, bl-iskor sal-mistrieħ isir 9-5 wara li Robertson rebaħ l-14-il frame bi break ta’ 74.

Hawnhekk il-logħba da­ret kompletment favur l-Awstraljan li rebaħ ħames frames wara xulxin u b’kollox sitta meta breaks ta’ 108, 72, 93 u 72 għenuh jasal sal- linja tat-tmiem biex iżomm it-titlu għat-tieni sena konsekuttiva.

Il-frames kollha ntemmu hekk:

Neil Robertson v John Higgins 10-9 – 77-78, 0-136 (136), 0-138 (126), 130-0 (130), 76-47, 129-0 (129), 0-128 (127), 0-80 (80), 41-60, 0-101 (68), 5-82, 91-1 (91), 0-84 (84), 74-37 (54), 119-1 (108), 87-35, 91-17 (72), 93-0 (93), 72-10 (72).

Mill-bieraħ sal-Erbgħa, 13 ta’ April, qed jintlagħbu l-kwalifiki tal-Kampjonat tad-Dinja fl-English Institute of Sport, Sheffield, li se jipproduċi 16-il player li jingħaqdu mal-aqwa 16 fil-Crucible Theatre ta’ Sheffield ukoll mill-4 ta’ April sat-Tnejn, 2 ta’ Mejju.

Sport