Sunday, December 22, 2024

Snooker: Robertson iżomm sod għar-rimonta ta’ Allen

Aqra wkoll

Iċ-champion renjanti, Neil Robertson, żamm lil kuraġġjuż Mark Allen milli jagħmel rimonta, wara li llidja 7-0, biex ħareġ rebbieħ 10-6 u kiseb post fis-semi-finali tat-Tour Championship li qed isir fi Llandudno, Wales.

Fil-mument Robertson jinsab għaddej fuq il-mewġ meta s’issa gawda minn staġun mill-aqwa. L-avveniment ta’ din il-ġimgħa jospita biss l-aqwa tmien players fil-lista ta’ sena ta’ dan l-istaġun u Robertson huwa t-tieni seed, wara li rebaħ titli rankings fl-English Open u fil-Players Championship aktar kmieni fl-istaġun.

L-Awstraljan ipproduċa wirja suprema fis-sessjoni ta’ wara nofsinhar biex stabbilixxa vantaġġ ta’ 7-0, qabel ma l-Irlandiż ta’ Fuq, Allen, rebaħ l-aħħar frame tas-sessjoni li ntemmet 7-1.

Dan ħalla lil Robertson jeħtieġ biss tliet frames fis-sessjoni ta’ filgħaxija biex jagħlaq il-logħba. Madankollu, l-avversarju tenaċi tiegħu tipikament irrifjuta li jmur lura u reġa’ daħal fil-konfront meta bdiet is-sessjoni finali.

Break ta’ 66 ra lil Allen jieħu l-ewwel frame u mbagħad għalaq għal 7-3, qabel il-11-il frame drammatiku li fih Robertson ikklerja mill-ħadra biex sforza li tittella’ is-sewda mill-ġdid, iżda shot laxk ħalla s-sewda fil-ħniena ta‘ Allen fin-nofs tax-xellug biex jid­depożita u jagħmilhom 7-4.

B’mod kruċjali Robertson imbagħad rebaħ frame ta’ 41 minuta biex reġa’ ħa n-nifs fuq 8-4, għalkemm Allen baqa’ bla qalb. Il-Pistol rebaħ żewġ frames wara xulxin, inkluż break ta’ 70, biex żied il-pressjoni meta għamilhom 8-6.

Kien hawnhekk li ċ-Champion tad-Dinja 2010, Robertson, lagħab l-aħjar snooker tiegħu, meta għalaq il-logħba 10-6 b’żewġ centuries ta’ 121 u 130, wara li aktar qabel kien għamel tlieta ta’ 125, 103 u 125.

Issa Robertson se jiffaċċja lil Mark Williams jew lil Ronnie O’Sullivan, li għeleb fil-finali tas-sena l-oħra, għada l-Ġimgħa.

“Ninsab kburi ħafna għax Mark staqsa ħafna mistoqsijiet minni llejla. Kelli ħafna tweġibiet, iżda hu kellu tweġibiet għal dawk! Is-sigurtà tiegħu kienet inkredibbli u għalaqni barra,” qal Robertson, ta’ 39 sena.

Ekonomija

Sport