Wara vjaġġ ta’ ‘il fuq minn 2,000 mil minn meta tilef fil-finali tal-Welsh Open nhar il-Ħadd li għadda, Judd Trump (ritratt) beda l-kampanja tiegħu fit-Turkish Masters, meta għeleb lil Michael Georgiou b’whitewash, 5-0.
Meta neħħa dak id-diżappunt, Trump kien determinat li jerġa’ lura fuq il-pannu u wasal f’Antalya ifittex sfida oħra għal titlu, meta b’wirja konvinċenti huwa pproduċa breaks ta’ 110, 61 u 75.
Is-suċċess ta’ Shaun Murphy ta’ 5-0 kien daqstant enfatiku daqs ta’ Trump hekk kif għeleb lil Lyu Haotian fi 63 minuta bl-aqwa breaks ikunu ta’ 64, 59 u 58.
Murphy, finalista fil-Crucible s-sena l-oħra, li għad irid jilħaq semi-finali ta’ tournament ranking dan l-istaġun, jinsab fl-aħħar 32 biex jiltaqa’ ma’ Jimmy Robertson, li daħal minn 2-0 minn taħt biex għeleb lil Cao Yupeng 5-2 bl-ikbar break tiegħu jkun ta’ 81.
L-Ukren Iulian Boiko, kiseb rebħa mpressjonanti ta’ 5-4 fuq Simon Blackwell u ammetta li hu xprunat mill-kburija tiegħu li jirrappreżenta lill-pajjiżu fil-World Snooker Tour.
Matul il-ġimgħa li għaddiet fil-Welsh Open, Boiko tkellem ma’ firxa wiesgħa ta’ midja nkluż GMTV u ddeskriva l-emozzjonijiet tiegħu. Il-ġenituri u ħutu ħarbu b’suċċess mill-Ukrajna u issa jinsabu l-Polonja, iżda għad għandu membri tat-team tiegħu u ħafna ħbieb fil-belt ta’ Kiev hekk kif il-kunflitt mar-Russja qed ikompli.
Wara r-rebħa, Boiko, 16-il sena, qal: “In-nazzjon Ukren jimmotivani biex nilgħab aħjar u niġġieled minħabba dak li jkunu għaddejjin minnu n-nies. Nispera li nagħmel xi ftit aktar nies ferħanin billi nirbaħ. Qed nagħmel dan għalihom, huma l-ispirazzjoni tiegħi. Jien tassew motivat u kburi li jien Ukren. Nittama li ngħaddu minn dawn iż-żminijiet diffiċli.
“Il-players kollha, l-istaff, ir-referees – kulħadd huwa tassew ta’ appoġġ u jifhem u dan napprezza ħafna. Inħobb il-familja tas-snooker, kulħadd kbir.”
Ding Junhui, li niżel fit-32 post fir-rankings mondjali, kiseb rebħa tant meħtieġa billi daħal minn 4-1 minn taħt biex għeleb lil Robert Milkins 5-4, fejn għamel breaks ta’ 131, 105, 81 u 55 fl-aħħar erba’ frames.
Luca Brecel ma setax iċċelebra għeluq is-27 sena tiegħu b’mod aħjar meta għeleb lil Stuart Carrington 5-1 bl-aqwa break ta’ 79.
Riżultati oħra: Elliot Slessor v Andy Hicks 5-2; Jimmy Robertson v Cao Yupeng 5-2; Yuan SiJun v Mark Davis 5-3; Sam Craigie v Ricky Walden 5-4; Oliver Lines v Xiao Guodong 5-4; Yan Bingtao v Joe O’Connor 5-2; Hossein Vafaei v Enes Bakirci 5-0; Kyren Wilson v Tian Pengfei 5-1; Thepchaiya Un-Nooh v Stephen Maguire 5-4; Zhou Yulong v Fan Zgengyi 5-4 ; Wu Yize v Aaron Hill 5-0; Lu Ning w/o Zak Surety.