Il-player numru ħamsa tad-dinja, Kyren Wilson, jgħid li se jibqa’ paċenzjuż fit-tfittxija tiegħu għall-ewwel titlu ranking mill-2020, wara l-wirja tajba li ratu jwarrab lil Li Hang 4-0 fit-tieni round tal-Welsh Open li qed isir fi Newport.
S’issa Wilson wasal sa żewġ semi-finali dan l-istaġun, fiċ-Champion of Champions u fil-UK Championship. Huwa jinsab ħerqan li jirritorna fiċ-ċirku tar-rebbieħa, wara li l-aħħar li rebaħ il-fidda kien fiċ-Championship League 2020. Madankollu, Wilson ammetta li l-livell għoli fiċ-ċirkwit jagħmel ir-rebħ tal-fidda sfida severa għall-players kollha.
Wilson jeħtieġ prestazzjonijiet b’saħħithom fil-ġimgħat li ġejjin biex jikseb post fit-Tour Championship meta l-ewwel tmienja biss fil-lista ta’ sena ta’ dan l-istaġun se jkunu fi Llandudno, u bħalissa Wilson jinsab fl-14-il post.
Ir-rebħa fuq Li ħadet lill-kliniku Wilson 51 minuta biss. Huwa kkompona breaks ta’ 62, 136 u 102 biex kompla javvanza.
In-numru 40 tad-dinja, Liam Highfield, issiġilla rebħa xokkanti ta’ 4-3 kontra ċ-champion tad-dinja, Mark Selby, biex kiseb post fl-aħħar 32.
Highfield rebaħ l-ewwel żewġ frames, qabel ma Selby rebaħ tlieta wara xulxin biex mar 3-2 minn fuq. Madankollu, Highfield żamm in-nervi u bi breaks ta’ 74 u 92 ħareġ rebbieħ fil-frame deċiżiv.
Ronnie O’Sullivan ġie minn 2-1 minn taħt biex għeleb lill-Ġermaniż, Lukas Kleckers, 4-2. Breaks ta’ 67, 59, 67 u 50 għenu lir-Rocket biex idawwar telfa f’rebħa.
Ali Carter kellu wirja tajba meta għeleb lill-veteran John Higgins 4-2 bl-ogħla break ikun ta’ 141.
Il-player minn Wales, Jak Jones, għeleb liċ-champion tal-UK Championship, Zhao Xintong, 4-3, filwaqt li l-ex rebbieħ tal-Masters, Yan Bingtao għeleb lil Zhao Jianbo 4-0.
Riżultati oħra mit-tieni round: Matthew Stevens v Lu Ning 4-2; Graeme Dott v Jamie Clarke 4-1; Elliot Slessor v Stuart Bingham 4-3; Ding Junhui v Zak Surety 4-1; Shaun Murphy v Anthony Hamilton 4-1; Ricky Walden v Noppon Saengkham 4-1; Barry Hawkins v Ashley Carly 4-1.
Riżultati mit-tielet round: Matthew Stevens v Mitchell Mann 4-0; Neil Robertson v Graeme Dott 4-1; Jimmy Robertson v Fergal O’Brien 4-2; Scott Donaldson v Kurt Maflin 4-1; Zhang Anda v Yuan SiJun 4-2; Judd Trump v Si Jiahui 4-2; Joe Perry v Mark Allen 4-3.