Mark Williams ammetta li qed jogħġbu r-ritorn tal-partitarji fil-Welsh Open f’pajjiżu, wara r-rebħa 4-1 li kiseb fuq Michael Judge fl-ewwel ġurnata.
Iċ-champion tad-dinja tliet darbiet kien wasal sas-semi-finali 12-il xahar ilu, iżda kien megħlub minn Ronnie O’Sullivan. Williams qed jimmira għall-ewwel titlu tal-Welsh Open fi 23 sena, wara li kiseb l-aktar wieħed riċenti miż-żewġ rebħiet tiegħu fit-tournament lura fl-1999.
Williams kien f’forma tajba s’issa dan l-istaġun. Huwa rebaħ l-24 titlu ranking tiegħu fil-British Open u kompla għall-mixja mpressjonanti għas-semi-finali tal-Masters, fejn kien superat 6-5 minn Neil Robertson.
L-ispettaturi fil-Welsh Open irritornaw għall-ewwel darba f’sentejn, wara li l-edizzjoni tal-2021 ġiet sfurzata bil-bibien magħluqa minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Williams ma ddiżappuntax lill-partitarji tiegħu meta kiseb rebħa komda.
Williams fetaħ vantaġġ ta’ 3-0 bi break ta’ 67 fit-tielet wieħed. Judge naqqas id-distakk billi ħa r-raba’ frame bi 88, iżda kien għal xejn hekk kif Williams qabeż il-linja tat- tmiem meta rebaħ il-ħames frame fuq ir-roża.
“Din il-logħba teħtieġ l-ispettaturi u issa li huma kollha lura, hija 1,000 darba aħjar. L-ebda sport mhu tassew daqshekk tajjeb mingħajr l-ispettaturi preżenti. Huma jġibu t-tensjoni u jġibu lil kulħadd involut. Huwa ferm aħjar,” qal Williams, 46 sena.
Anthony McGill tilef 4-3 kontra Zhang Anda f’logħba li marret sal-aħħar biċ-Ċiniż jagħmel breaks ta’ 52, 83 u 50 waqt li l-Iskoċċiż għamel 50, 64 u 64.
Iż-żewġ players magħrufa li f’dawn l-aħħar ftit snin ma rebħux titli, Shaun Murphy u Stuart Bingham, għaddew għat-tieni round meta għelbu lil Andy Hicks 4-2 u lil Sean Maddocks 4-1 rispettivament.
Neil Robertson għeleb lill-veteran Jimmy White 4-0 bi break ta’ 121 waqt li Mark Allen għeleb veteran ieħor, Ken Doherty, 4-1, fejn inkluda break ta’ 120. John Higgins kiseb rebħa 4-1 fuq Pang Junxu bl-ogħla break tiegħu jkun ta’ 113.
Player li żgur għandu s-sapport tal-ispettaturi huwa dak Ukren ta’ 16-il sena, Iulian Boiko, li għeleb lil Liam Davies 4-3.
Riżultati oħra mill-ewwel round:
Mitchell Mann v Jordan Brown 4-3; Zhao Xintong v Oliver Lines 4-1; Barry Hawkins v Alexander Ursenbacher 4-0; Fergal O’Brien v Stephen Maguire 4-1; Jan Bingtao v Ashley Hugill 4-3; Kyren Wilson v Dominic Dale 4-3; Elliot Slessor v Dylan Emery 4-3; Mark Selby v Chen Zifan 4-1.