Zhao Xintong rebaħ it-tieni titlu ranking tiegħu fi żmien tmien ġimgħat, hekk kif għeleb lil Yan Bingtao 9-0 f’finali kollha Ċiniża tal-German Masters li saret fit-Tempodrom ta’ Berlin.
Ir-rebħa b’whitewash tara lil Zhao jsir biss it-tieni player fl-istorja tas-snooker li kiseb rebħa ta’ 9-0 f’finali ta’ tournament ranking bl-oħra kienet meta Neil Robertson għeleb lil Zhou Yuelong bl-istess riżultat fil-European Masters 2020.
Zhao, 24 sena, gawda minn żieda kbira fil-quċċata tal-isport dan l-istaġun. Erba’ snin ilu biss kien relegat miċ-ċirkwit u sfurzat jgħaddi mill-Q School 2018 biex iżomm il-karriera professjonali tiegħu ħajja.
Aktar kmieni fl-istaġun Zhao rebaħ l-ewwel fidda tat-Triple Crown meta rebaħ il-UK Championship f’York, fejn fil-finali għeleb lil Luca Brecel tal-Belġju 10-5.
Ir-rebħa rat lil Zhao jirbaħ il-premju ta’ £80,000, it-Trofew Brandon Parker u t-tieni rebħa ta’ tournament ranking tal-karriera tiegħu. Meta fadal tliet tournaments oħra fil-European Series, Zhao jinsab fir-raba’ post. Il-player li jakkumula l-aktar flus matul it-tmien avvenimenti ta’ kwalifika jikseb bonus ta’ £150,000.
It-talent konsiderevoli ta’ Zhao kien ċar meta sar professjonali fl-2016, fl-età ta’ 18-il sena biss. Huwa kiseb post fil-World Snooker Tour billi kien runner-up għal Pankaj Advani fil-Kampjonat tad-Dinja tad-Dilettanti 2015.
Din kienet biss it-tieni finali ranking bejn żewġ players miċ-Ċina kontinentali. L-ewwel waħda kienet ir-rebħa ta’ Ding Junhui fuq Xiao Guodong fil-finali tax-Shanghai Masters 2013.
Is-sessjoni tal-ftuħ rat lil Zhao jersaq lejn ix-xifer tar-rebħa b’wirja ispirata, li fiha rebaħ it-tmien frames li saru. Huwa ma ħela l-ebda ħin biex filgħaxija jissiġilla r-rebħa.
L-ewwel frame, li kien deċiżiv, niżel għal battalja fuq l-aħħar ħamra. Eventwalment kien Zhao li ddepożitaha u kklerja għar-roża biex jiżgura t-titlu.
“Kienet sorpriża għalija llejla. Ma stajtx nemmen li l-punteġġ kien daqshekk fuq naħa waħda. Yan huwa player tajjeb u nafu sew lil xulxin.
“Ma kontx nemmen li stajt nirbaħ 9-0, iżda hekk għamilt,” qal Zhao, li issa se jitla’ fit-tmien post fir-rankings dinjija. “Dan huwa post sabiħ u n-nies huma mill-aħjar. Berlin hija belt tajba u ħadt gost ħafna biha.
“Meta kont 4-0 minn fuq f’nofs l-ewwel sessjoni, ħriġt u tkellimt ma’ Yan. Stajt nara li kien taħt pressjoni. Għidtlu li m’għandekx bżonn tagħmel dan, tista’ tilgħab bħallikieku kienet wirja. Aħna ħbieb ħafna u ridt li tkun spettaklu għall-partitarji.
“Għada hija s-Sena l-Ġdida Ċiniża u llejla se mmorru lura fir-Renju Unit. Dan it-tournament huwa differenti ħafna għalina minħabba s-Sena l-Ġdida Ċiniża u għada forsi nieħdu ftit drinks.”
Yan qal: “Illum lagħab tajjeb ħafna. Kont qed inħoss ftit pressjoni u tlift ħafna boċċi. Ħadt gost nilgħab hawn ma’ ħabib tajjeb ħafna. Kull darba li niġi Berlin nieħu gost ħafna li nkun hawn u rrid nirringrazzja lil kull min ġie llum. Prosit lil Zhao. Lagħab tajjeb ħafna u huwa player perikoluż. Aħna bħal aħwa u nawguralu l-isbaħ xewqat.”
Il-frames kollha ntemmu hekk:
Zhao Xintong v Yan Bingtao 9-0 – 91-36 (74), 71-38, 130-1 (118), 90-4 (82), 89-32 (89), 98-34 (68), 70-60 (Zhao 70, Yan 60), 75-26, 63-31.
It-tournament ranking li jmiss huwa l-Players Championship li se jsir mis-7 sat-13 ta’ Frar f’Wolverhampton.